Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, FL-OKKAŻJONI TAL-IFFIRMAR TA` FTEHIM MAL-MAM – L-ERBGĦA, 27 TA` FRAR 2013

pr0307
Date Icon 27/02/2013

Segretarju Permanenti,
Kap Uffiċjal Mediku,
Mistiedna distinti,

Qegħdin hawn sabiex jiġi iffirmat ftehim ġdid mat-tobba.

Nibda billi nirringrazzja lill-uffiċjali tal-MAM u tal-Ministeru tas-Saħħa, u tal-PACBU għax- xogħol u l-isforz kollu li għamlu biex wasalna għal dan il-ftehim. Illum qiegħed jiġi iffirmat ftehim li ser jieħu s-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna pass ieħor ‘l quddiem. Ippermettuli nispjega għaliex.

Forsi tajjeb li nibda billi nfakkar x’kien il-qofol tal- ftehim li sar ħames snin ilu.

Dak in-nhar ftehmna fuq pjan li kellu jwassal biex pajjiżna jinvesti f’popolazzjoni ta’ tobba li kienet adekwata, kemm bħala kwantità, kif ukoll fil-kwalità u l-professjonalità.

Ħames snin ilu ftehmna fuq kundizzjonijiet tax-xogħol, salarji u opportunitajiet għat-tobba tagħna, bil-għan li nattiraw u ninvestu f’din il-professjoni u  biex jirnexxielna nżommu l-aħjar ħiliet u mħuħ fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna. 

B’sodisfazzjon kbir ngħid li minn dan l-att żgur li l-ftehim ta’ ħames snin ilu ssaraff f’dak li ppjanajna u wassal għal dak li xtaqna. Illum nistgħu niftaħru li għandna sptarijiet mogħnija b’tobba ta’ l-aħjar kwalità li qedgħin jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jaqdu l-bżonnijiet tas-saħħa tal-poplu tagħna. Nixtieq nieħu l-opportunità sabiex nirringrazzja lil kull tabib, hu fejn hu, jaħdem fejn jaħdem, għas-servizz lejn il-pazjenti li jirrikorru għall-attenzjoni tagħhom. Minn hawn sinċerament nixtieq ngħaddi l-messaġġ li jien bħala Ministru u aħna bħala istituzzjoni, jiġifieri l-Ministeru, napprezzaw u nirringrazzjaw lil kull tabib individwalment.

Dan il-ftehim, filwaqt li jġedded l-istess impenn u professjonalità ta’ ħames snin ilu, sejjer din d-darba jiftaħ ukoll bieb għall-iżvillup, l-opportunitajiet, il-kundizzjonijiet u salarji mill-aħjar għat-tobba li jaħdmu fis-settur tal-kura primarja.

Rajna u fhimna li hawnhekk kien hemm bżonn ta’ sforz, liema sforz għandu jgawdi minnu s-settur tal-kura primarja. In–natura tal-mard prevalenti f’pajjiżna, l-età tas-soċjetà tagħna u l-stil tal-ħajja tal-popolazzjoni tagħna turina biċ-ċar li s-servizzi fil-kura primarja għandhom bżonn jikbru, jitjiebu u jiżdiedu. Dan il-ftehim huwa ċ-ċavetta li ser tiftah il-bieb sabiex nindirrizzaw dan il-bżonn.

B’dan il-ftehim, ser tikber l-aċċessibilità ta’ servizzi mill–isptarijiet għax il-prezenza tal- konsulenti u speċjalisti fl-isptarijiet ser tiġġedded fuq ħinijiet itwal u iżjed wiesgħa matul il-jum u fuq il-firxa tal-ġimgħa. Nixtieq naċċenna li ser tikber saħansitra wkoll il-presenza tat-tobba, u allura tas-servizzi tas-saħħa fis-settur tal-kura primarja wkoll. Ir-regional hubs u ċ-ċentri tas-saħħa, b’mod gradwali, ser ikunu iżjed aċċessibli waqt ħinijiet itwal tal-jum u għal iżjed jiem matul il-ġimgħa. Dan ser ikun possibli bis-saħħa tal-ftehim li llum ser jassigura tant opportunitajiet u kundizzjonijiet tajbin lit-tobba li jagħżlu li jaħdmu f’dan is-settur tant importanti.

Nittama li ħames snin oħra nkunu nistgħu nħarsu lura lejn is-sistema tas-saħħa f’Malta u din tkun qiegħda taħsad il-frott ta’ dak li qegħdin niffirmaw għalih illum. Nittama li mhux biss il-pazjent ser ikun moqdi aħjar, u jkollna tobba aktar motivati fuq xogħolhom sabiex nissalvagwardjaw is-saħħa tal-poplu tagħna, bis-saħħa ta’ dan il-ftehim li qegħdin niffirmaw illum.

Nirringrazzja mill-ġdid lil kull min ta sehem u kontribut biex wasalna hawn, filwaqt li nappella lill-kulħadd sabiex jikkopera biex dak li qegħdin nippjanaw, dak li qegħdin nħejju t-triq għalih, isarraf tassew f’dak l-aktar li hemm bżonn. Naqblu lkoll li bżonn ewlieni huwa li jkollna kemm tobba  kif ukoll pazjenti sodisfatti.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow