DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, FL-OKKAŻJONI TAL-IFFIRMAR TA` FTEHIM MAL-MAM – L-ERBGĦA, 27 TA` FRAR 2013
Segretarju Permanenti,
Kap Uffiċjal Mediku,
Mistiedna distinti,
Qegħdin hawn sabiex jiġi iffirmat ftehim ġdid mat-tobba.
Nibda billi nirringrazzja lill-uffiċjali tal-MAM u tal-Ministeru tas-Saħħa, u tal-PACBU għax- xogħol u l-isforz kollu li għamlu biex wasalna għal dan il-ftehim. Illum qiegħed jiġi iffirmat ftehim li ser jieħu s-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna pass ieħor ‘l quddiem. Ippermettuli nispjega għaliex.
Forsi tajjeb li nibda billi nfakkar x’kien il-qofol tal- ftehim li sar ħames snin ilu.
Dak in-nhar ftehmna fuq pjan li kellu jwassal biex pajjiżna jinvesti f’popolazzjoni ta’ tobba li kienet adekwata, kemm bħala kwantità, kif ukoll fil-kwalità u l-professjonalità.
Ħames snin ilu ftehmna fuq kundizzjonijiet tax-xogħol, salarji u opportunitajiet għat-tobba tagħna, bil-għan li nattiraw u ninvestu f’din il-professjoni u biex jirnexxielna nżommu l-aħjar ħiliet u mħuħ fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.
B’sodisfazzjon kbir ngħid li minn dan l-att żgur li l-ftehim ta’ ħames snin ilu ssaraff f’dak li ppjanajna u wassal għal dak li xtaqna. Illum nistgħu niftaħru li għandna sptarijiet mogħnija b’tobba ta’ l-aħjar kwalità li qedgħin jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jaqdu l-bżonnijiet tas-saħħa tal-poplu tagħna. Nixtieq nieħu l-opportunità sabiex nirringrazzja lil kull tabib, hu fejn hu, jaħdem fejn jaħdem, għas-servizz lejn il-pazjenti li jirrikorru għall-attenzjoni tagħhom. Minn hawn sinċerament nixtieq ngħaddi l-messaġġ li jien bħala Ministru u aħna bħala istituzzjoni, jiġifieri l-Ministeru, napprezzaw u nirringrazzjaw lil kull tabib individwalment.
Dan il-ftehim, filwaqt li jġedded l-istess impenn u professjonalità ta’ ħames snin ilu, sejjer din d-darba jiftaħ ukoll bieb għall-iżvillup, l-opportunitajiet, il-kundizzjonijiet u salarji mill-aħjar għat-tobba li jaħdmu fis-settur tal-kura primarja.
Rajna u fhimna li hawnhekk kien hemm bżonn ta’ sforz, liema sforz għandu jgawdi minnu s-settur tal-kura primarja. In–natura tal-mard prevalenti f’pajjiżna, l-età tas-soċjetà tagħna u l-stil tal-ħajja tal-popolazzjoni tagħna turina biċ-ċar li s-servizzi fil-kura primarja għandhom bżonn jikbru, jitjiebu u jiżdiedu. Dan il-ftehim huwa ċ-ċavetta li ser tiftah il-bieb sabiex nindirrizzaw dan il-bżonn.
B’dan il-ftehim, ser tikber l-aċċessibilità ta’ servizzi mill–isptarijiet għax il-prezenza tal- konsulenti u speċjalisti fl-isptarijiet ser tiġġedded fuq ħinijiet itwal u iżjed wiesgħa matul il-jum u fuq il-firxa tal-ġimgħa. Nixtieq naċċenna li ser tikber saħansitra wkoll il-presenza tat-tobba, u allura tas-servizzi tas-saħħa fis-settur tal-kura primarja wkoll. Ir-regional hubs u ċ-ċentri tas-saħħa, b’mod gradwali, ser ikunu iżjed aċċessibli waqt ħinijiet itwal tal-jum u għal iżjed jiem matul il-ġimgħa. Dan ser ikun possibli bis-saħħa tal-ftehim li llum ser jassigura tant opportunitajiet u kundizzjonijiet tajbin lit-tobba li jagħżlu li jaħdmu f’dan is-settur tant importanti.
Nittama li ħames snin oħra nkunu nistgħu nħarsu lura lejn is-sistema tas-saħħa f’Malta u din tkun qiegħda taħsad il-frott ta’ dak li qegħdin niffirmaw għalih illum. Nittama li mhux biss il-pazjent ser ikun moqdi aħjar, u jkollna tobba aktar motivati fuq xogħolhom sabiex nissalvagwardjaw is-saħħa tal-poplu tagħna, bis-saħħa ta’ dan il-ftehim li qegħdin niffirmaw illum.
Nirringrazzja mill-ġdid lil kull min ta sehem u kontribut biex wasalna hawn, filwaqt li nappella lill-kulħadd sabiex jikkopera biex dak li qegħdin nippjanaw, dak li qegħdin nħejju t-triq għalih, isarraf tassew f’dak l-aktar li hemm bżonn. Naqblu lkoll li bżonn ewlieni huwa li jkollna kemm tobba kif ukoll pazjenti sodisfatti.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en