Left arrow Mur Lura

IFFIRMAT FTEHIM MA’ INSPIRE

pr0304
Date Icon 26/02/2013

Il-Gvern intrabat li jagħti s-somma ta’ €840,000 kull sena lill-Fondazzjoni Inspire biex tagħti servizzi lil persuni bi bżonnijiet speċjali.  Dan il-ftehim hu għal perjodu ta’ tliet snin u kull sena l-ammont ta’ flus lil Inspire jiżdied b’5%.

Il-ftehim kien iffirmat illum minn Dr. James Calleja, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u Nathan Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Inspire, fil-preżenza tal-Ministru Dolores Cristina.

Il-Gvern ilu snin jaħdem b’mod dirett mal-Inspire li toffri programmi u servizzi speċjalizzati għal tfal u żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali. Dan il-ftehim hu frott tal-esperjenza li kellna mal-Inspire tul dawn l-aħħar snin u fil-fatt qed jibni fuq ftehim ieħor li diġà kien hemm biex ikun żgurat li aktar studenti jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.

Permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern se jaħdem f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Inspire biex studenti bi bżonnijiet speċjali jingħataw servizz tal-ogħla kwalità skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom.

Jistgħu jibbenefikaw minn dan il-ftehim studenti sa minn età żgħira sakemm idumu fl-edukazzjoni obbligatorja li jattendu skejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti. 

Dan ifisser li kull tifel u tifla li jiġu riferuti mid-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudenti għas-servizzi ta’ Inspire jistgħu jibbenefikaw minn programmi li jiswew bejn EUR 2,454 u EUR 6,872 għal kull tifel u tifla fis-sena.

Il-Gvern qed jgħin lill-familji li għandhom tfal bi bżonnijiet speċjali billi qed jagħtihom sussidju ta’ 76%  biex uliedhom ikunu jistgħu jattendu programmi adattati skont il-bżonnijiet tagħhom. B’hekk inkunu qed ngħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom filwaqt li jintegraw aħjar fis-soċjetà.

Il-Ministru Cristina spjegat li permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern mhux qiegħed jikkommetti ruħu b’numru ta’ tfal li ser jibbenefikaw minn dan is-servizz imma l-għan huwa li l-ammont ta’ fondi allokati jintużaw bl-aħjar mod biex ikun hemm aktar flessibilità u b’hekk aktar studenti jkunu jistgħu jieħdu s-servizz skont il-bżonnijiet tagħhom.

Il-ftehim ma jonqosx ukoll li jassigura li jkun hemm aktar kontabilità għaliex fl-aħħar mill-aħħar dawn huma flus pubbliċi u huma suġġetti għal skrutinju biex naraw li l-flus qed jintefqu tajjeb u s-servizz qed jingħata.

Dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-politika ta’ dan il-Gvern li nħarsu lejn l-iżvilupp tal-istudenti tagħna b’mod ħolistiku u għalhekk il-Gvern qed jixtri dawn is-servizzi mingħand l-Inspire biex nipprovdu dejjem aktar servizzi li jilħqu l-ħtiġijiet tal-istudenti. B’hekk qed nassiguraw aktar inklużjoni kemm fl-iskola u kemm fil-komunità.

Il-Ministru Cristina fakkret li llum il-parti l-kbira tat-tfal bi bżonnijiet speċjali huma integrati fl-iskejjel mainstream u fil-fatt Malta għandha l-inqas rata fl-Ewropa ta’ tfal li jmorru fi skejjel mhux mainstream.

Il-Ministru faħħret il-ħidma tal-għaqdiet volontarji li f’Malta huma ħafna u jagħmlu xogħol siewi ferm f’diversi oqsma u sostniet li kieku ma kienx għal dawn l-għaqdiet, l-Istat waħdu ma jkunx jista’ joffri s-servizzi kollha li jingħataw minn dawn l-għaqdiet.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow