DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-IT SERVICES BUILDING, UNIVERSITÀ TA’ MALTA – IT-TLIETA, 26 TA’ FRAR 2013
Rettur,
Onorevoli Ministri,
Mistiedna distinti,
Sinjuri,
Is-sinifikat ta’ din l-inawgurazzjoni tmur lilhinn minn dawn il-faċilitajiet u l-infrastruttura edukattiva li rajna.
Għall-Gvern, l-edukazzjoni mhix il-bini. Għalina l-edukazzjoni hi l-esperjenza u t-tagħlim li tieħdu intom iż-żgħażagħ biex tużawhom f’ħajjitkom fuq il-post tax-xogħol meta tiggradwaw.
Għalhekk l-investiment tal-lum u kull investiment ieħor li qiegħed isir fl-edukazzjoni huwa fl-istess ħin investiment fil-ħolqien tax-xogħol fis-snin li ġejjin.
Il-viżjoni u l-ħidma tal-Gvern huma bbażati fuq il-ħolqien tax-xogħol u qed jirnexxielna. Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat fl-analiżi tagħha fuq l-ekonomija Maltija li s-suq tax-xogħol f’pajjiżna huwa fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea.
Dan ma ġarax b’kumbinazzjoni.
Dawn ir-riżultati huma frott ta’ deċiżjonijiet li ħadna bħala Gvern. Frott ta’ investimenti li għamilna fi proġetti, kif ukoll riżultat tal-attrazzjoni ta’ pajjiżna għall-investiment lokali u barrani.
Investituri lokali u barranin f’numru wiegsa’ ta’ setturi kollha jfaħħru lill-ħaddiem Malti bħala wieħed bieżel, imħarreġ u b’kapaċitajiet tekniċi. Minn inġiniera sa software programmers, minn avukati sa accountants u minn spiżjara sa xjenzati, kull investitur ifaħħar lill-gradwati tal-Università ta’ Malta.
Dan huwa frott it-tagħlim u l-esperjenza li jieħdu minn dan il-kampus tal-Università. Ir-rwol tal-Università ta’ Malta fl-ekonomija ta’ pajjiżna, fit-tkattir tal-investiment lejn pajjiżna u fil-ħolqien tax-xogħol jokkupa post ċentrali.
Għalhekk tul dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern investa b’mod qawwi fl-Università, kemm fl-infrastruttura kif ukoll fil-lecturers.
Kuntrarju għal ħafna Gvernijiet Ewropej fejn naqqsu l-investiment fl-edukazzjoni jew żiedu l-miżati, il-Gvern Malti żied l-investiment, kompla jinvesti fl-istipendji, investa f’aktar minn 2,000 scholarship u l-edukazzjoni baqgħet b’xejn.
Irnexxielna fejn oħrajn fallew.
Irnexxielna għax ħadna d-deċiżjonijiet u investejna għax żammejna l-finanzi ta’ pajjiżna fis-sod.
Għażilna kif nużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea bil-għaqal. Nedejna programm ta’ investiment ta’ aktar minn ħamsin miljun ewro fl-Università ta’ Malta li jinkludi l-investiment ta’ 8 miljun ewro f’dan il-bini tas-servizzi informatiċi. Qed jitlesta x-xogħol fuq il-Fakultà tal-ICT biswit dan il-bini b’investiment ta’ 17-il miljun ewro. Investejna wkoll f’numru ta’ laboratorji u f’apparat modern f’numru ta’ dipartimenti u fakultajiet li kelli s-sodisfazzjoni li nżur tul dawn l-aħħar ħames snin. Hekk se nkomplu nagħmlu fil-ħames snin li ġejjin hekk kif pajjiżna kiseb elf mija u tmienja u għoxrin miljun ewro f’fondi ewropej.
B’dan l-investiment komplejna nsaħħu l-Università ta’ Malta.
Permezz ta’ dan it-tisħiħ, l-Università kompliet tattira aktar studenti barranin lejn pajjiżna biex jistudjaw. Bi pjaċir inħabbar li f’April li ġej se jiġi ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Gvern Malti u dak Ċiniż li se jwassal biex aktar studenti barranin jiġu Malta jistudjaw. Dan ikompli jikkonferma li pajjiżna għandu potenzjal li jkun ċentru reġjonali tal-edukazzjoni u diġà qed niksbu suċċess f’dan il-qasam. F’Awwissu li għadda kont preżenti għat-tnedija ta’ Università ingliża f’pajjiżna b’campus tagħha. Il-pjanijiet għall-iskola f’Ta Giorni li se jsir Kulleġġ Internazzjonali huma wkoll pass ieħor fid-direzzjoni sabiex l-edukazzjoni f’pajjiżna tkun settur ekonomiku wkoll.
Sinjuri,
F’kull deċiżjoni ta’ investiment li ħadna għażilna l-aħjar interess taż-żgħażagħ tagħna. Emminna fil-potenzjal tagħhom, investejna sabiex huma wkoll isibu xogħol li jixraqilhom bi dħul tajjeb fis-setturi differenti tal-ekonomija Maltija.
Is-settur finanzjarju llum iħaddem mat-tnax-il elf u qiegħed ikompli jikber.
Is-settur farmaċewtiku jħaddem aktar minn 1,000 u qiegħed jespandi b’opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ.
Is-setturi tal-avjazzjoni u tal-manifattura b’valur miżjud għoli qiegħed jimpjega dejjem aktar inġiniera u professjonisti.
Kumpaniji fl-ICT u issa fil-logħob diġitali qed jikbru u jimpjegaw aktar gradwati.
Il-bieraħ kelli l-privileġġ li nqiegħed l-ewwel ġebla tal-BioMalta Life Sciences Campus ftit ‘il bogħod minn hawn fejn fis-snin li ġejjin se jassorbi numru kbir ta’ gradwati fix-xjenza, mediċina u l-farmaċija.
Il-Gvern se jkompli jinvesti fl-industrija ta' pajjiżna u jgħin aktar negozji u kumpaniji sabiex ikomplu jinvestu u joħolqu aktar xogħol. Nemmnu li aktar kumpaniji Maltin jistgħu jinvestu aktar fir-riċerka u fl-innovazzjoni u se nniedu numru ta' skemi u grants sabiex insostnuhom. Irridu wkoll naraw aktar żgħażagħ u gradwati jiftħu n-negozju tagħhom u għalhekk il-Gvern se jkun qiegħed iniedi numru ta' inċentivi kif ukoll seed capital u għodda oħra ta' finanzjament fil-ħames snin li ġejjin.
Se nkomplu ngħinu l-industrija u s-sidien tan-negozji żgħar u medji sabiex huma jkomplu jinvestu u joħolqu x-xogħol għalikom.
Se nkomplu ninvestu fikom iż-żgħażagħ sabiex intom issibu xogħol xieraq u bi dħul tajjeb meta tiggradwaw.
Se nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni permezz ta' aktar scholarships, aktar investiment fl-Università u it-tisħih tal-istipendji, sabiex intom stess tkunu fattur importanti għala kumpaniji internazzjonali jiġu Malta.
Sinjuri
L-investiment fl-edukazzjoni se jissokta mill-Gvern.
Ir-riżultati qed niksbuhom. Illum 83% taż-żgħażagħ ikomplu l-edukazzjoni postsekondarja. Ħames snin ilu, 59% taż-żgħażagħ kienu jkomplu jistudjaw.
Pajjiżna qed joħloq ix-xogħol għall-istudenti li jiggradwaw u kif f'ħames snin ħloqna 20,000 post tax-xogħol, fil-ħames snin li ġejjin noħolqu 25,000.
Dan l-investiment fl-Università ta' Malta li qed ninawguraw illum flimkien mal-proġetti kollha l-oħra jixhdu dan l-impenn tagħna lejn iż-żgħażagħ tagħna, lejn l-edukazzjoni tagħhom u lejn il-ħolqien tax-xogħol.
Illum, flimkien, qegħdin insaħħu l-Università ta' Malta sabiex inkomplu noħolqu aktar xogħol u xogħol aħjar.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en