Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-IT SERVICES BUILDING, UNIVERSITÀ TA’ MALTA – IT-TLIETA, 26 TA’ FRAR 2013

pr0299
Date Icon 26/02/2013

Rettur,
Onorevoli Ministri,
Mistiedna distinti,
Sinjuri,

Is-sinifikat ta’ din l-inawgurazzjoni tmur lilhinn minn dawn il-faċilitajiet u l-infrastruttura edukattiva li rajna.

Għall-Gvern, l-edukazzjoni mhix il-bini.  Għalina l-edukazzjoni hi l-esperjenza u t-tagħlim li tieħdu intom iż-żgħażagħ biex tużawhom f’ħajjitkom fuq il-post tax-xogħol meta tiggradwaw.

Għalhekk l-investiment tal-lum u kull investiment ieħor li qiegħed isir fl-edukazzjoni huwa fl-istess ħin investiment fil-ħolqien tax-xogħol fis-snin li ġejjin.

Il-viżjoni u l-ħidma tal-Gvern huma bbażati fuq il-ħolqien tax-xogħol u qed jirnexxielna.  Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat fl-analiżi tagħha fuq l-ekonomija Maltija li s-suq tax-xogħol f’pajjiżna huwa fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea.

Dan ma ġarax b’kumbinazzjoni. 

Dawn ir-riżultati huma frott ta’ deċiżjonijiet li ħadna bħala Gvern.  Frott ta’ investimenti li għamilna fi proġetti, kif ukoll riżultat tal-attrazzjoni ta’ pajjiżna għall-investiment lokali u barrani.

Investituri lokali u barranin f’numru wiegsa’ ta’ setturi kollha jfaħħru lill-ħaddiem Malti bħala wieħed bieżel, imħarreġ u b’kapaċitajiet tekniċi.  Minn inġiniera sa software programmers,  minn avukati sa accountants u minn spiżjara sa xjenzati, kull investitur ifaħħar lill-gradwati tal-Università ta’ Malta.

Dan huwa frott it-tagħlim u l-esperjenza li jieħdu minn dan il-kampus tal-Università.  Ir-rwol tal-Università ta’ Malta fl-ekonomija ta’ pajjiżna, fit-tkattir tal-investiment lejn pajjiżna u fil-ħolqien tax-xogħol jokkupa post ċentrali.

Għalhekk tul dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern investa b’mod qawwi fl-Università, kemm fl-infrastruttura kif ukoll fil-lecturers. 

Kuntrarju għal ħafna Gvernijiet Ewropej fejn naqqsu l-investiment fl-edukazzjoni jew żiedu l-miżati, il-Gvern Malti żied l-investiment, kompla jinvesti fl-istipendji, investa f’aktar minn 2,000 scholarship u l-edukazzjoni baqgħet b’xejn.

Irnexxielna fejn oħrajn fallew.

Irnexxielna għax ħadna d-deċiżjonijiet u investejna għax żammejna l-finanzi ta’ pajjiżna fis-sod. 

Għażilna kif nużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea bil-għaqal.  Nedejna programm ta’ investiment ta’ aktar minn ħamsin miljun ewro fl-Università ta’ Malta li jinkludi l-investiment ta’ 8 miljun ewro f’dan il-bini tas-servizzi informatiċi.  Qed jitlesta x-xogħol fuq il-Fakultà tal-ICT biswit dan il-bini b’investiment ta’ 17-il miljun ewro.  Investejna wkoll f’numru ta’ laboratorji u f’apparat modern f’numru ta’ dipartimenti u fakultajiet li kelli s-sodisfazzjoni li nżur tul dawn l-aħħar ħames snin.  Hekk se nkomplu nagħmlu fil-ħames snin li ġejjin hekk kif pajjiżna kiseb elf mija u tmienja u għoxrin miljun ewro f’fondi ewropej.

B’dan l-investiment komplejna nsaħħu l-Università ta’ Malta. 

Permezz ta’ dan it-tisħiħ, l-Università kompliet tattira aktar studenti barranin lejn pajjiżna biex jistudjaw.  Bi pjaċir inħabbar li f’April li ġej se jiġi ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Gvern Malti u dak Ċiniż li se jwassal biex aktar studenti barranin jiġu Malta jistudjaw.  Dan ikompli jikkonferma li pajjiżna għandu potenzjal li jkun ċentru reġjonali tal-edukazzjoni u diġà qed niksbu suċċess f’dan il-qasam.  F’Awwissu li għadda kont preżenti għat-tnedija ta’ Università ingliża f’pajjiżna b’campus tagħha.  Il-pjanijiet għall-iskola f’Ta Giorni li se jsir Kulleġġ Internazzjonali huma wkoll pass ieħor fid-direzzjoni sabiex l-edukazzjoni f’pajjiżna tkun settur ekonomiku wkoll. 

Sinjuri,

F’kull deċiżjoni ta’ investiment li ħadna għażilna l-aħjar interess taż-żgħażagħ tagħna.  Emminna fil-potenzjal tagħhom, investejna sabiex huma wkoll isibu xogħol li jixraqilhom bi dħul tajjeb fis-setturi differenti tal-ekonomija Maltija.

Is-settur finanzjarju llum iħaddem mat-tnax-il elf u qiegħed ikompli jikber.

Is-settur farmaċewtiku jħaddem aktar minn 1,000 u qiegħed jespandi b’opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ.

Is-setturi tal-avjazzjoni u tal-manifattura b’valur miżjud għoli qiegħed jimpjega dejjem aktar inġiniera u professjonisti.

Kumpaniji fl-ICT u issa fil-logħob diġitali qed jikbru u jimpjegaw aktar gradwati.

Il-bieraħ kelli l-privileġġ li nqiegħed l-ewwel ġebla tal-BioMalta Life Sciences Campus ftit ‘il bogħod minn hawn fejn fis-snin li ġejjin se jassorbi numru kbir ta’ gradwati fix-xjenza, mediċina u l-farmaċija.

Il-Gvern se jkompli jinvesti fl-industrija ta' pajjiżna u jgħin aktar negozji u kumpaniji sabiex ikomplu jinvestu u joħolqu aktar xogħol.  Nemmnu li aktar kumpaniji Maltin jistgħu jinvestu aktar fir-riċerka u fl-innovazzjoni u se nniedu numru ta' skemi u grants sabiex insostnuhom.  Irridu wkoll naraw aktar żgħażagħ u gradwati jiftħu n-negozju tagħhom u għalhekk il-Gvern se jkun qiegħed iniedi numru ta' inċentivi kif ukoll seed capital u għodda oħra ta' finanzjament fil-ħames snin li ġejjin.

Se nkomplu ngħinu l-industrija u s-sidien tan-negozji żgħar u medji sabiex huma jkomplu jinvestu u joħolqu x-xogħol għalikom.

Se nkomplu ninvestu fikom iż-żgħażagħ sabiex intom issibu xogħol xieraq u bi dħul tajjeb meta tiggradwaw.

Se nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni permezz ta' aktar scholarships, aktar investiment fl-Università u it-tisħih tal-istipendji, sabiex intom stess tkunu fattur importanti għala kumpaniji internazzjonali jiġu Malta.

Sinjuri

L-investiment fl-edukazzjoni se jissokta mill-Gvern.

Ir-riżultati qed niksbuhom.  Illum 83% taż-żgħażagħ ikomplu l-edukazzjoni postsekondarja.  Ħames snin ilu, 59% taż-żgħażagħ kienu jkomplu jistudjaw.

Pajjiżna qed joħloq ix-xogħol għall-istudenti li jiggradwaw u kif f'ħames snin ħloqna 20,000 post tax-xogħol, fil-ħames snin li ġejjin noħolqu 25,000.

Dan l-investiment fl-Università ta' Malta li qed ninawguraw illum flimkien mal-proġetti kollha l-oħra jixhdu dan l-impenn tagħna lejn iż-żgħażagħ tagħna, lejn l-edukazzjoni tagħhom u lejn il-ħolqien tax-xogħol.

Illum, flimkien, qegħdin insaħħu l-Università ta' Malta sabiex inkomplu noħolqu aktar xogħol u xogħol aħjar.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow