AĠENZIJA APPOĠĠ B’UFFIĊĊJI ĠODDA U TITJIB FIS-SERVIZZI F’GĦAWDEX
Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), lestiet l-ewwel uffiċċji tagħha f’Għawdex, f’Għajnsielem, minn fejn minn issa ’l quddiem se tkun qed toffri servizzi soċjali f’ambjent iktar modern u komdu għall-Għawdxin f’Għawdex stess.
Il-bini, li s’issa tlestiet l-ewwel fażi tiegħu dik tal-pjan terren, eventwalment se jkun qed iżid is-servizzi soċjali offruti f’Għawdex minn post wieħed fuq il-mudell ta’ Ċentri AĊĊESS li nfetħu fl-aħħar snin f’Malta. Dan għalhekk se jkun l-ewwel Ċentru AĊĊESS f’Għawdex billi jinħoloq one-stop-shop għal servizzi ta’ ħarsien soċjali għall-Għawdxin f’Għawdex stess. Filwaqt li jissaħħu servizzi eżistenti eventwalment jiżdiedu wkoll oħrajn ġodda.
L-Onor. Chris Said, Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja dalgħodu żar il-parti tal-bini li tlestiet u ġiet mgħammra biex minnha jingħataw servizzi ta’ Aġenzija Appoġġ f’Għawdex. Il-Ministru spjega li l-parti li tlestiet s’issa se tkun qed tintuża għal servizzi b’enfażi fuq it-tfal bħalma huma s-servizzi tal-Fostering, Specialised Fostering, u ta’ Supervised Access Visits. ’Il quddiem, il-bini mistenni jitranġa anke fis-sular ta’ fuq biex minn hawnhekk jingħataw servizzi soċjali oħrajn, inkluż għaż-żgħażagħ u għal min ikun qed ifittex ix-xogħol.
Il-Ministru Said qal li l-Gvern għandu għal qalbu ħafna s-servizzi soċjali f’pajjiżna tant li mhux biss ħoloq Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Sedqa u Aġenzija Sapport – illum fi ħdan l-FSWS – imma matul is-snin saħħaħhom tant li llum qed joffru servizzi li sa ftit snin ilu ma kinux jeżistu f’pajjiżna. Il-Ministru spjega kif minbarra li dawn is-servizzi jingħataw minn uffiċċji ċentrali tal-FSWS, fl-aħħar snin il-Gvern ħaddem politika li joqrob kemm jista’ jkun lejn ir-residenti fil-lokalitajiet tant li fetaħ Ċentru AĊĊESS fil-Birgu, il-Qawra, il-Belt Valletta u dan l-aħħar anke fl-Imsida, li minnhom joffri numru ta’ servizzi soċjali u programmi fil-komunità. Huwa qal li dan il-bini f’Għawdex huwa ħolqa oħra fil-katina ta’ inizjattivi bil-għan li jiżdiedu s-servizzi fil-komunità, anke f’Għawdex.
Din il-parti tal-bini ser isservi bħala l-ħolqa ewlenija f’Għawdex mal-uffiċċji ċentrali tal-Aġenzija Appoġġ fi Gwardamanġa u b’hekk ser tkun qed tiffaċilita l-ħidma li l-Aġenzija kienet diġà qed twettaq ma’ klijenti Għawdxin.
Se sservi primarjament bħala punt ta’ riferenza għall-professjonisti tal-Aġenzija li jkunu f’Għawdex biex isegwu l-każijiet tagħhom kif ukoll għal dawk li diġà qed jirċievu xi tip ta’ servizz mill-Aġenzija. F’Għawdex bħalissa 29 tifel u tifla qed jiġu fostered minn 22 familja. Hemm oħrajn fl-Ispecialised Fostering. Is-servizz tal-Fostering jipprovdi opportunità lil dawk it-tfal u adoloxxenti li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet fil-familja, biex ikollhom ambjent ta’ familja aħjar fejn ikollhom l-imħabba u s-sigurtà li għandhom bżonn.
Minn dawn l-uffiċċji hu mistenni wkoll li jibdew isseħħu programmi ta’ taħriġ għal foster carers Għawdxin, kif ukoll support groups.
Min-naħa l-oħra, is-servizz ta’ Supervised Access Visits li se jkun qed jingħata minn hawnhekk jippermetti kuntatt mat-tfal taħt superviżjoni mal-ġenituri meta dawn ma jkollhomx kustodja tat-tfal, f’każijiet fejn ma jkunx possibli li jkun hemm aċċess. Sal-lum tfal Maltin li qegħdin jiġu fostered minn familji Għawdxin kienu qegħdin jittieħdu Malta għal dan l-aċċess. Hekk, sa fejn hu possibbli, it-tfal jibqgħu f’Għawdex.
Għalkemm dawn iż-żewġ servizzi kienu diġà offruti lil klijenti Għawdxin, kif ukoll servizzi oħra offruti b’mod partikolari mit-Taqsima Għal Ħarsien tat-Tfal, Vjolenza Domestika u Youth in Focus, inħasset il-ħtieġa li jkun hemm uffiċċju bbażat f’Għawdex primarjament biex tiżdied l-aċċessibilità tas-servizzi u jkun faċilitat il-proċess għal dawk il-persuni li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.
Hu wkoll eżempju ċar tal-impenn tal-Gvern li permezz ta’ entitajiet fi ħdanu, bħall-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, qed jiddiċentralizza servizzi importanti u jiftaħ ċentri fil-komunità biex jagħmilha iktar aċċessibbli għal dawk kollha li jistgħu jiġu bżonnhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en