IFFIRMAT FTEHIM KOLLETTIV GĦALL-ĦADDIEMA TAL-ETC
Aktar minn 230 impjegat tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ se jibdew igawdu minn pagi u kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol permezz tal-Ftehim Kollettiv ġdid li se jkun iffirmat illum.
Il-ftehim kien iffirmat minn Sandra Sladden u Claudio Farrugia, Chairperson u CEO rispettivi tal-Korporazzjoni u Edwin Balzan, Viċi President tal-UĦM u s-shop stewards Guido Zammit u Antoinette Aquilina.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina li kienet preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim qalet li għal darb’oħra qed issir enfasi qawwija fuq miżuri maħsuba biex ikun hemm aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja għall-ħaddiema tal-Korporazzjoni għax aħna nemmnu bis-sħiħ f’dan il-kunċett li għandu jwassal biex ikollna ħaddiema aktar kuntenti u komdi li jaqdu d-dmirijiet tagħhom lejn il-post tax-xogħol u l-klijenti tal-Korporazzjoni u fl-istess waqt ikunu qrib il-familji tagħhom u jsibu ħin ta’ kwalita’ mal-familja.
Dan il-Ftehim Kollettiv qed ikopri perjodu sa l-aħħar tal-2016 jiġifieri erba’ snin u dan għandu jagħti aktar serħan il-moħħ lill-ħaddiema.
Qed nassiguraw li kull kategorija ta’ ħaddiema se jieħdu żidiet fil-pagi u s-salarji tagħhom kull sena tal-ftehim u dan barra miż-żjidiet għall-għoli tal-ħajja li jista’ jkun hemm minn żmien għal żmien.
Il-ħaddiema li huma wkoll ġenituri issa jistgħu jibbenifikaw minn sistema ta’ siegħat imnaqqsa ta’ xogħol sakemm uliedhom jilħqu l-età ta’sittax il-sena. Dan ifisser żieda ta’ tliet snin għax qabel din il-miżura kienet offruta sakemm ‘l ulied jagħlqu tlettax il-sena.
Il-Ftehim Kollettiv jipprovdi għal żieda fil-leave bla ħlas li jingħata lil dawk il-ħaddiema li jadottaw tfal. Nafu li kultant il-proċeduri tal-adozzjoni, speċjalment jekk it-tfal adottati jkunu minn barra l-pajjiż, jistgħu jieħdu fit-tul. Għalhekk qed ngħidu li min jidħol għal dan il-piż ikun intitolat għal perjodi ta’ leave sa massimu ta’ tliet xhur u f’każ li ż-żewġ ġenituri jkunu impjegati tal-Korporazzjoni dan il-perjodu jistgħu jaqsmuh bejniethom skont il-bżonn.
Il-Ministru Cristina fakkret li l-impjegati tal-ETC igawdu wkoll minn sena leave bla ħlas f’każ li jidħlu biex jiffosterjaw it-tfal.
Ħaddiema tal-Korporazzjoni li jagħmlu xogħol ta’ security guards se jibdew igawdu minn shift allowance .
Senior Executives apparti id-disturbance allowance se jibdew jitħallsu wkoll tas-sahra jekk ikunu mitluba jaħdmu aktar minn 80 siegħa overtime fis-sena, bir-rata ta’ €14 kull siegħa.
Il-Korporazzjoni għandha numru ta’ uffiċċji mifruxa ma’ Malta u Għawdex. L-Employment Advisors li huma responsibbli minn Job Centre se jibdew jingħataw allowance għal din ir-responsabbilta’ żejda li tammonta għal €450 fis-sena sakemm jibqgħu responsabbli minn dawn iċ-ċentri.
Il-ħadiema kollha se jingħataw l-arretrati b’sena lura kif ukoll somma ta’ €250 ta’ darba.
Il-Ministru qalet li dawn il-bidliet jikkumplimentaw diversi inizjattivi u miżuri meħuda mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li jinkludu il-mizuri favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, is-servizz tac-childcare għall-impjegati tal-Korporazzjoni f’dan il-post tax-xogħol stess, il-faċilitajiet rekreattivi, il-canteen, u l-klabb soċjali u l-isports fost oħrajn
Hi awgurat li dan il-Ftehim Kollettiv iservi biex il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li għandha xogħol importanti, partikolarment fit-taħriġ ta’ nies biex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jkollhom xogħol u xogħol tajjeb, tkompli tagħti dawn is-servizzi lil firxa akbar ta’ nies biex nassiguraw li dawk kollha li huma kapaċi u jixtiequ jaħdmu jkunu kapaċi jaħtfu l-opportunitajiet ta’ xogħol li jinħolqu.
Il-Ministru Cristina rringrazzjat liċ-Chairperson u lis-CEO u dawk l-uffiċjali li ħadmu biex seta’ jkun konkluż dan il-Ftehim Kollettiv kif ukoll lill-Uffiċjali tal-Union Ħaddiema Magħqudin li magħhom f’dawn l-aħħar xhur ħdimna mill-qrib biex innegozjajna dan il-ftehim u numru ta’ ftehim oħra li kienu ffirmati riċentement.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en