DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IT-TQEGĦID TAL-EWWEL ĠEBLA TAL-BIOMALTA LIFE SCIENCES CENTRE, SAN ĠWANN – IT-TNEJN, 25 TA’ FRAR 2013
Onorevoli Ministru,
Sur Chairman,
Mistiedna distinti,
Sinjuri,
Huwa privileġġ għalija li flimkien magħkom qegħdin nassistu għal pass ieħor fil-mixja ta’ pajjiżna.
Mixja sabiex pajjiżna jkompli joħloq aktar xogħol u xogħol aħjar.
Il-Gvern jirsisti kuljum biex jinħolqu aktar impiegi f’pajjiżna u qed jirnexxielna. Il-Gvern qed joħloq ambjent ekonomiku biex jitkattar l-investiment u s-settur privat qed jinvesti u joħloq l-impiegi. Il-Kummissjoni Ewropea l-ġimgħa li għaddiet ikkonfermat meta qalet li s-suq tax-xogħol f’pajjiżna huwa b’saħħtu u qed joħloq l-impjiegi.
Filwaqt li qed nagħmlu dan, qed ninvestu b’mod qawwi fl-edukazzjoni. F’kull livell. Qed nagħtu ċ-ċavetta lil kull tifel u tifla, lil kull żagħżugħ u żagħżugħa, lil kull ħaddiem u ħaddiema biex jirnexxu u jagħmlu suċċess. Għalhekk qed ninvestu fi skola ġdida kull sena, fil-campus tal-MCAST u dak tal-Università, fl-għalliema, fl-ischolarships, u qed nagħtu u frixna aktar l-istipendju. Qed ninvestu aktar sabiex iż-żgħażagħ tagħna jkunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet li se jkollhom.
L-opportunità quddiemna llum f’dan il-BioMalta Life Sciences Centre hi simbolu ieħor tal-ekonomija u tal-viżjoni tagħna għal pajjiżna. Viżjoni ambizzjuża u realistika, li tibni fuq il-potenzjal ta’ kull Malti u Għawdxi.
Il-Gvern jemmen li dan is-settur tal-life sciences se jkun mutur importanti tal-ekonomija Maltija fis-snin li ġejjin.
Sinjuri,
Tul dawn l-aħħar snin kellna nieħdu numru ta’ deċiżjonijiet strateġiċi. Waħda minnhom kienet li jew inkomplu nissussidjaw l-industriji tal-bieraħ, jew inkella ninvestu fl-industriji li qed jevolvu u fl-industriji ta’ għada.
Għażilna l-aħjar interess taż-żgħażagħ tagħna u l-ħaddiema tagħna. Emminna fil-potenzjal tal-Maltin, investejna biex pajjiżna jkun ċentru reġjonali ta’ kwalità f’oqsma differenti bi dħul tajjeb għall-ħaddiema.
Komplejna ninċentivaw l-industrija li ilha stabbilita f’pajjiżna u li qed tiġġedded biex iżżid l-investiment u l-impiegi f’pajjiżna. Saħħaħna l-inċentivi u fassalna skemi ġodda għall-fabbriki u għas-sidien tan-negozji żgħar u medji.
Illum għandna settur finanzjarju fost l-aktar b’saħħithom fid-dinja. Nospitaw numru dejjem jikber ta’ kumpaniji barranin u llum is-settur finanzjarju jimpjega aktar minn tnax-il elf ħaddiem.
Dħalna f’oqsma ġodda fl-inġinerija u fl-elettronika b’investiment f’fabbriki speċjalizzati.
Komplejna ninvestu fit-teknoloġija tal-informatika u llum għandna kumpaniji stabbiliti fl-ICT. Il-ġimgħa li għaddiet kelli l-privileġġ li ninawgura Microsoft Innovation Centre f’pajjiżna li se jgħin dan is-settur ikompli jikber.
Ġibna f’pajjiżna industrija ġdida oħra, dik tar-remote gaming. Pajjiżna sar ċentru globali f’dan il-qasam b’numru dejjem jikber ta’ kumpaniji internazzjonali jiftħu f’pajjiżna u li jħaddmu aktar minn 7,000 persuna.
Wellidna s-settur tal-avjazzjoni b’tant suċċess. Kumpaniji barranin fetħu f’pajjiżna u komplew jespandu u llum hemm aktar minn 1,000 persuna jaħdmu. Is-sena li għaddiet ftaħna investiment ta’ sbatax-il miljun ewro fis-Safi Aviation Park sabiex dan is-settur ikompli jikber u joffri aktar opportunitajiet ta’ xogħol għal ħaddiema Maltin.
Il-prijorità tagħna hi x-xogħol tiegħek u ta’ wliedek. Għalhekk qed inkomplu niġbdu aktar industriji ġodda li qed jiżviluppaw biex dawn ikunu sors ta’ investiment u ta’ ħolqien ta’ impiegi.
Fassalna strateġija għal-logħob diġitali u li diġà attirat kumpaniji internazzjonali lejn pajjiżna.
Qed ninvestu fl-ekonomija tal-kreattività u l-innovazzjoni, biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol għaż-żgħażagħ.
U llum qed nimmarkaw il-bidu tal-bini tal-BioMalta Life Sciences Centre b’investiment ta’ €38 miljun, biex jinħolqu impiegi ġodda fil-bijo-teknoloġija, ir-riċerka, ix-xjenza u l-life sciences.
Qed nużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea biex huma lkoll ikunu mutur fil-ħolqien tax-xogħol. Investejna f’numru ta’ proġetti minn bini ta’ toroq sa restawr kif ukoll sa skemi għall-industrija, in-negozji żgħar u medji u tant inizjattivi oħra fosthom dan il-bini li se jinbena. Investejna biex noħolqu x-xogħol. Hekk se nkomplu nagħmlu.
Permezz tal-elf, mija u tmienja u għoxrin miljun ewro li l-Gvern innegozja u ġab mill-Unjoni Ewropea, se nkomplu ninvestu f’pajjiżna biex noħolqu x-xogħol.
Se nkomplu ngħinnu l-industrija u s-sidien tan-negozji żgħar u medji sabiex huma jkomplu jinvestu u joħolqu x-xogħol.
Se nkomplu ninvestu fi proġetti kapitali, spazji miftuħa u restawr sabiex anke hawn il-ħaddiema Maltin ikollhom opportunità li jaħdmu.
Se nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni sabiex iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikunu mħarrġa għall-industrija tagħna u huma stess ikomplu jiġbdu aktar investiment lejn pajjiżna.
Din hi l-politika tagħna. Id-direzzjoni hi ċara. Politika u direzzjoni li toħloq ix-xogħol. Viżjoni konkreta mibnija fuq ir-riżultati.
Sinjuri,
B’fiduċja fil-ħaddiema tagħna u fl-investituri, l-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tikber b’rata mgħaġġla u toħloq aktar xogħol. Il-politika tagħna dejjem kienet favur it-tkabbir ekonomiku. Id-direzzjoni strateġika tagħna kienet u hi: ekonomija b’saħħitha li toħloq ix-xogħol u l-ġid li jwassal għal ħajja xierqa tal-familji tagħna. F’ħames snin ħloqna 20,000 post tax-xogħol, żammejna l-qgħad baxx u naqqasna d-defiċit ta’ pajjiżna. Konna fost il-ftit li għamlu dan kollu fl-Unjoni Ewropea.
Il-bażi ekonomika hi b’saħħitha. Iżda hi b’saħħitha għaliex nieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn, kuljum – deċiżjonijiet b’responsabbiltà, b’għaqal u li jħarsu fit-tul. Hekk biss nistgħu noħolqu 25,000 post tax-xogħol fil-ħames snin li ġejjin.
L-investiment fil-BioMalta Life Sciences Centre hi għażla oħra fil-mixja tagħna bħala pajjiż.
Illum, qed inwelldu settur ekonomiku ġdid sabiex inkomplu noħolqu aktar xogħol u xogħol aħjar.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en