Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IT-TQEGĦID TAL-EWWEL ĠEBLA TAL-BIOMALTA LIFE SCIENCES CENTRE, SAN ĠWANN – IT-TNEJN, 25 TA’ FRAR 2013

pr0295
Date Icon 25/02/2013

Onorevoli Ministru,

Sur Chairman,

Mistiedna distinti,

Sinjuri,

Huwa privileġġ għalija li flimkien magħkom qegħdin nassistu għal pass ieħor fil-mixja ta’ pajjiżna. 

Mixja sabiex pajjiżna jkompli joħloq aktar xogħol u xogħol aħjar.

Il-Gvern jirsisti kuljum biex jinħolqu aktar impiegi f’pajjiżna u qed jirnexxielna.  Il-Gvern qed joħloq ambjent ekonomiku biex jitkattar l-investiment u s-settur privat qed jinvesti u joħloq l-impiegi.  Il-Kummissjoni Ewropea l-ġimgħa li għaddiet ikkonfermat meta qalet li s-suq tax-xogħol f’pajjiżna huwa b’saħħtu u qed joħloq l-impjiegi.

Filwaqt li qed nagħmlu dan, qed ninvestu b’mod qawwi fl-edukazzjoni.  F’kull livell.  Qed nagħtu ċ-ċavetta lil kull tifel u tifla, lil kull żagħżugħ u żagħżugħa, lil kull ħaddiem u ħaddiema biex jirnexxu u jagħmlu suċċess.  Għalhekk qed ninvestu fi skola ġdida kull sena, fil-campus tal-MCAST u dak tal-Università, fl-għalliema, fl-ischolarships, u qed nagħtu u frixna aktar l-istipendju.  Qed ninvestu aktar sabiex iż-żgħażagħ tagħna jkunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet li se jkollhom. 

L-opportunità quddiemna llum f’dan il-BioMalta Life Sciences Centre hi simbolu ieħor tal-ekonomija u tal-viżjoni tagħna għal pajjiżna.  Viżjoni ambizzjuża u realistika, li tibni fuq il-potenzjal ta’ kull Malti u Għawdxi.

Il-Gvern jemmen li dan is-settur tal-life sciences se jkun mutur importanti tal-ekonomija Maltija fis-snin li ġejjin.

Sinjuri,

Tul dawn l-aħħar snin kellna nieħdu numru ta’ deċiżjonijiet strateġiċi.  Waħda minnhom kienet li jew inkomplu nissussidjaw l-industriji tal-bieraħ, jew inkella ninvestu fl-industriji li qed jevolvu u fl-industriji ta’ għada.

Għażilna l-aħjar interess taż-żgħażagħ tagħna u l-ħaddiema tagħna.  Emminna fil-potenzjal tal-Maltin, investejna biex pajjiżna jkun ċentru reġjonali ta’ kwalità f’oqsma differenti bi dħul tajjeb għall-ħaddiema.

Komplejna ninċentivaw l-industrija li ilha stabbilita f’pajjiżna u li qed tiġġedded biex iżżid l-investiment u l-impiegi f’pajjiżna.  Saħħaħna l-inċentivi u fassalna skemi ġodda għall-fabbriki u għas-sidien tan-negozji żgħar u medji. 

Illum għandna settur finanzjarju fost l-aktar b’saħħithom fid-dinja.  Nospitaw numru dejjem jikber ta’ kumpaniji barranin u llum is-settur finanzjarju jimpjega aktar minn tnax-il elf ħaddiem.

Dħalna f’oqsma ġodda fl-inġinerija u fl-elettronika b’investiment f’fabbriki speċjalizzati. 

Komplejna ninvestu fit-teknoloġija tal-informatika u llum għandna kumpaniji stabbiliti fl-ICT.  Il-ġimgħa li għaddiet kelli l-privileġġ li ninawgura Microsoft Innovation Centre f’pajjiżna li se jgħin dan is-settur ikompli jikber. 

Ġibna f’pajjiżna industrija ġdida oħra, dik tar-remote gaming.  Pajjiżna sar ċentru globali f’dan il-qasam b’numru dejjem jikber ta’ kumpaniji internazzjonali jiftħu f’pajjiżna u li jħaddmu aktar minn 7,000 persuna.

Wellidna s-settur tal-avjazzjoni b’tant suċċess.  Kumpaniji barranin fetħu f’pajjiżna u komplew jespandu u llum hemm aktar minn 1,000 persuna jaħdmu.  Is-sena li għaddiet ftaħna investiment ta’ sbatax-il miljun ewro fis-Safi Aviation Park sabiex dan is-settur ikompli jikber u joffri aktar opportunitajiet ta’ xogħol għal ħaddiema Maltin. 

Il-prijorità tagħna hi x-xogħol tiegħek u ta’ wliedek.  Għalhekk qed inkomplu niġbdu aktar industriji ġodda li qed jiżviluppaw biex dawn ikunu sors ta’ investiment u ta’ ħolqien ta’ impiegi.

Fassalna strateġija għal-logħob diġitali u li diġà attirat kumpaniji internazzjonali lejn pajjiżna. 

Qed ninvestu fl-ekonomija tal-kreattività u l-innovazzjoni, biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol għaż-żgħażagħ.

U llum qed nimmarkaw il-bidu tal-bini tal-BioMalta Life Sciences Centre b’investiment ta’ €38 miljun, biex jinħolqu impiegi ġodda fil-bijo-teknoloġija, ir-riċerka, ix-xjenza u l-life sciences.

Qed nużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea biex huma lkoll ikunu mutur fil-ħolqien tax-xogħol.  Investejna f’numru ta’ proġetti minn bini ta’ toroq sa restawr kif ukoll sa skemi għall-industrija, in-negozji żgħar u medji u tant inizjattivi oħra fosthom dan il-bini li se jinbena.  Investejna biex noħolqu x-xogħol.  Hekk se nkomplu nagħmlu.

Permezz tal-elf, mija u tmienja u għoxrin miljun ewro li l-Gvern innegozja u ġab mill-Unjoni Ewropea, se nkomplu ninvestu f’pajjiżna biex noħolqu x-xogħol. 

Se nkomplu ngħinnu l-industrija u s-sidien tan-negozji żgħar u medji sabiex huma jkomplu jinvestu u joħolqu x-xogħol.   

Se nkomplu ninvestu fi proġetti kapitali, spazji miftuħa u restawr sabiex anke hawn il-ħaddiema Maltin ikollhom opportunità li jaħdmu. 

Se nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni sabiex iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikunu mħarrġa għall-industrija tagħna u huma stess ikomplu jiġbdu aktar investiment lejn pajjiżna.

Din hi l-politika tagħna.  Id-direzzjoni hi ċara.  Politika u direzzjoni li toħloq ix-xogħol.  Viżjoni konkreta mibnija fuq ir-riżultati.

Sinjuri,

B’fiduċja fil-ħaddiema tagħna u fl-investituri, l-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tikber b’rata mgħaġġla u toħloq aktar xogħol.  Il-politika tagħna dejjem kienet favur it-tkabbir ekonomiku.  Id-direzzjoni strateġika tagħna kienet u hi:   ekonomija b’saħħitha li toħloq ix-xogħol u l-ġid li jwassal għal ħajja xierqa tal-familji tagħna.  F’ħames snin ħloqna 20,000 post tax-xogħol, żammejna l-qgħad baxx u naqqasna d-defiċit ta’ pajjiżna.  Konna fost il-ftit li għamlu dan kollu fl-Unjoni Ewropea.

Il-bażi ekonomika hi b’saħħitha.  Iżda hi b’saħħitha għaliex nieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn, kuljum – deċiżjonijiet b’responsabbiltà, b’għaqal u li jħarsu fit-tul.  Hekk biss nistgħu noħolqu 25,000 post tax-xogħol fil-ħames snin li ġejjin.

L-investiment fil-BioMalta Life Sciences Centre hi għażla oħra fil-mixja tagħna bħala pajjiż. 

Illum, qed inwelldu settur ekonomiku ġdid sabiex inkomplu noħolqu aktar xogħol u xogħol aħjar.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow