INAWGURAT IX-XOGĦOL TA’ RESTAWR FUQ IL-KNISJA TAŻ-ŻEJT FL-GĦARB
Il-Knisja taż-Żejt fl-Għarb sarilha xogħol ta’ restawr, bħala parti mill-Proġett ta’ Konservazzjoni Kulturali u Turistika tal-Għarb li qed isir mill-Kunsill Lokali tal-istess lokalita’. Dan il-proġett qed jitwettaq permezz ta’ investiment li jlaħħaq kważi €640,000 li 90% minnhom qed jiġu finanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali taħt Miżura 323 filwaqt li l-10% l-oħra ġejjin minn fondi nazzjonali.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono inawgurat ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq din il-Knisja, li hija waħda mill-ħames elementi ewlenin li diġà ġew restawrati permezz ta’ dan il-proġett. Dawn jinkludu l-Kappella ta’ San Dimitri, il-pont fi Triq is-Sdieri, ħitan tas-sejjieħ, u s-Salib fil-Pjazza tal-lokalità. Barraminhekk, permezz ta’ tfaddil li rnexxielu jagħmel minn dan l-investiment, il-Kunsill Lokali tal-Għarb wettaq ukoll xogħol ta’ restawr fi Pjazza Żjara tal-Madonna u fil-qrib mistenni jibda xogħol ta’ restawr tal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali u z-zuntier, kif ukoll ta’ xelter ta’ żmien il-gwerra li jinsab fl-istess pjazza.
Ix-xogħol ta’ restawr intensiv fuq il-Knisja taż-Żejt kien jinkludi tneħħija tas-siment minn fuq il-ġebla, bdil ta’ ġebel immermer, tindif tal-ġebel kollu, applikazzjoni ta’ velatura fuq il-ġebel il-ġdid u l-ftuħ tal-fili kollha, filwaqt li ġew imwaħħla balavostri ġodda fuq ir-riħ tal-wied kif ukoll ċangatura mal-passaġġ u z-zuntier.
Il-Ministru Giovanna Debono faħħret din l-inizjattiva li hija fissret bħala azzjoni responsabbli tal-Kunsill Lokali tal-Għarb li huwa wkoll wieħed mill-eqdem lokalitajiet ta’ Għawdex. ‘Dan jiġġustifika l-impenn ta’ dan il-Kunsill, fir-rigward tal-ħarsien u l-konservazzjoni tal-patrimonju storiku u kulturali ta’ din il-lokalità’, qalet il-Ministru Giovanna Debono. Hija fakkret li dan il-proġett estensiv fl-Għarb kien għaddej flimkien ma’ proġetti oħra li kienu finanzjati minn skemi tal-Ministeru għal Għawdex, li kienu jinkludu t-twaqqif ta’ mużew li fih qed jiġu esebiti paramenti, relikwi u oġġetti sagri marbuta mal-Knisja Parrokkjali. Il-Ministru spjegat kif il-ħarsien tal-patrimonju storiku kien element ewlieni li ngħata kunsiderazzjoni matul din il-leġiżlatura fejn ġew allokati miljuni ta’ ewro għal xogħlijiet ta’ restawr, kemm minn fondi Ewropej kif ukoll minn fondi nazzjonali. Ix-xogħlijiet f’Għawdex jinkludu fost l-oħrajn ir-restawr intensiv u l-konsolidazzjoni tas-swar taċ-Ċittadella u restawr ta’ siti oħra bħal kappella ta’ Santa Ċeċilja, siti fiċ-Ċittadella, diversi torrijiet, id-Dar tal-Gvernatur kif ukoll statwi u niċeċ oħra f’diversi lokalitajiet f’Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en