Left arrow Go Back

L-ISTĦARRIĠ ANNWALI DWAR IT-TKABBIR 2013 U L-PJAN TA’ AZZJONI GĦAL UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA FUQ L-AĠENDA TAL-CORE GROUP TAL-MEUSAC

pr0286
Date Icon 23/02/2013

Fil-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC, li saret ilbieraħ, ġew diskussi żewġ dokumenti importanti tal-Kummissjoni Ewropea: (i) ‘L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013’, li jevalwa l-qagħda ekonomika tal-Unjoni Ewropea (UE) u jagħti lista ta’ prijoritajiet għall-ġejjieni kemm fil-qrib u kemm fit-tul; u (ii) ‘Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina: it-Tnedija ta’ Dibattitu Ewropew’, li hija l-viżjoni wiesgħa tal-Kummissjoni għal bażi soda finanzjarja, fiskali, ekonomika u politika tal-UE fis-snin li ġejjin.  Il-laqgħa kienet indirizzata minn Dott. Chris Said, Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja.

L-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir huwa wieħed mill-pilastri tal-hekk imsejjaħ Semestru Ewropew, li huwa proċess għal governanza aħjar fl-UE permezz tas-sorveljanza tal-politiki fiskali tal-Istati Membri u permezz ta’ pjanijiet konkreti - imsejħa Programmi ta’ Riforma Nazzjonali – li l-Istati Membri huma mistennija jressqu lill-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju ta’ kull sena. Fil-preżentazzjoni relatata mal-Istħarrig Annwali dwar it-Tkabbir, is-Sur Gevit Duca uffiċjal mid-Dipartiment għall-Politika Ekonomika fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, qal li l-istħarriġ adottat mill-Kummissjoni Ewropea jislet 5 prijoritajiet li għandhom jiggwidaw lill-Istati Membri biex jegħlbu l-kriżi ekonomika u jiġġeneraw tkabbir. Dawn il-prijoritajiet jiffukaw fuq l-oqsma li ġejjin: il-konsolidazzjoni fiskali; is-self lill-ekonomija; it-tkabbir u l-kompetittività; il-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tiegħu; u l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika. Kull prijorità, qal is-Sur Duca, għandha tiffoka fuq kif se jsir tkabbir u jinħolqu l-impjiegi, partikolarment fost iż-żgħażagħ bla xogħol, filwaqt li jkunu protetti l-persuni l-iktar vulnerabbli. Is-Sur Duca qal li l-Gvern Malti jilqa’ dan l-Istħarriġ u r-rakkomandazzjonijiet li fih, għalkemm jinsisti li għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni differenti ta’ kull Stat Membru. 

Min-naħa tiegħu, is-Sur Efrem Arpa, mill-istess Dipartiment, tkellem dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina. Hu qal li l-Pjan jibni fuq miżuri importanti li diġà qablu dwarhom il-mexxejja Ewropej, fosthom il-pakkett ta’ sitt liġijiet għar-riforma tal-Patt dwar l-Istabbiltà u t-Tkabbir, it-Trattat dwar l-Istabbiltà, Kordinament u Governanza, u l-proċeduri dwar l-iżbilanċi eċċessivi f’xi Stati Membri, u jenfasizza l-importanza li l-Pajjiżi Membri għandu jkollhom iktar kordinazzjoni u sorveljanza f’livell Ewropew meta jitrattaw il-politika ewlenija fil-qasam ekonomiku u finanzjarju. Semma kif biex jintlaħaq l-għan ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina, jenħtieġu numru ta’ miżuri li jridu jittieħdu fi żmien qasir (bejn 6 u 18-il xahar), fi żmien medju (bejn 18-il xahar u 5 snin), u anke fit-tul (iktar minn 5 snin). 

Fost l-iktar interventi li spikkaw mill-membri tal-Core Group tqajmu dawn il-punti:

• L-Istati Membri f’diffikultajiet ekonomiċi m’għandhomx jiffukaw biss fuq il-miżuri ta’ awsterità imma fuq miżuri ta’ tkabbir

• Ir-riforma fil-kalkolu tal-COLA (il-mekkanżimu wżat biex tingħata ż-żieda tal-għoli tal-ħajja)

• L-attenzjoni li għandha tingħata lis-Suq Uniku u l-konnessjoni mal-bqija tal-UE bħala żewġ sorsi importanti għat-tkabbir f’pajjiżna

• Ir-rakkomandazzjoni li fejn tidħol il-governanza ekonomika ma jistax ikollok soluzzjonijiet li japplikaw għal kull pajjiż bl-istess mod (one size fits all)

• Il-bżonn ta’ applikazzjoni aħjar tar-regolamenti għall-moviment ħieles tal-ħaddiema, b’mod speċjali l-professjonisti li jkollhom bżonn rikonoxximent tal-kwalifiki

• Il-konsolidazzjoni fiskali mill-pajjiżi u kif din se tolqot lill-bqija tal-ekonomija.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb informa lill-membri tal-Core Group li għadu kif ġie ppubblikat ir-Rapport Annwali tal-MEUSAC 2012.  Żied jgħid li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jippreżenta kopja tiegħu lill-membri f’laqgħat individwali magħhom u jiddiskuti punti li jistgħu jsaħħu l-proċess ta’ konsultazzjoni tal-MEUSAC fix-xhur li ġejjin. Dott. Xuereb irringrazzja lill-Ministru Said għall-impenn tiegħu sa mil-bidu ta’ din il-leġiżlatura biex il-proġett MEUSAC ikun suċċess. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Said, faħħar ix-xogħol li sar minn Dott. Xuereb u mill-MEUSAC f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs u rringrazzja lill-membri kollha tal-Core Group li fid-diskussjonijiet matul il-laqgħat qanqlu diversi punti importanti li ntużaw fil-formulazzjoni tal-pożizzjoni ta’ Malta fil-Kunsill tal-UE.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow