DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TA’ HARBOUR LODGE GUESTHOUSE, MARSAXLOKK – IL-ĦAMIS, 21 TA’ FRAR 2013
Sur Xuereb,
Mistiedna distinti,
Sinjuri,
Inawgurazzjoni ta’ investiment ġdid huwa dejjem ċelebrazzjoni.
Ċelebrazzjoni għal min, bħall-aħwa Xuereb, ħolom u investa fil-proġett.
Ċelebrazzjoni għall-ħaddiema li ħadmu fuq dan il-proġett u dawk li se jaħdmu fih.
Fuq kollox, kull investiment hu ċelebrazzjoni għall-pajjiż kollu kemm hu.
Huwa b’dan l-ispirtu li qiegħed hawn illejla magħkom biex flimkien niċċelebraw l-inawgurazzjoni tal-Harbour Lodge Guesthouse.
Il-Harbour Lodge Guesthouse tixhed il-viżjoni u l-fiduċja tas-settur privat u tal-investitur Malti. Investitur li jaf jaqra s-sinjali taż-żminijiet, jieħu d-deċiżjonijiet, jinvesti u fuq kollox joħloq ix-xogħol.
Nemmen li bħala pajjiż għandna biex niftaħru bis-settur privat u bl-investituri Maltin. Miż-żgħir sal-kbir.
Intom l-ixprun u s-sinsla tal-ekonomija Maltija. Toħolqu l-ġid u x-xogħol għall-familji Maltin. Is-suċċessi tagħna bħala pajjiż huma s-suċċess tagħkom ukoll.
Aħna, bħala Gvern, nuru l-fiduċja tagħna fikom, ngħinukom u nsostnukom permezz ta’ skemi u għajnuna.
Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nara dan il-proġett isir b’sostenn tal-iskema tal-Gvern - il-Microcredit - fejn l-investitur qiegħed jibbenefika minn rati ta’ interessi ssussidjati fuq is-self li jieħu biex jinvesti. Sal-aħħar ta’ Jannar ibbenefikaw mal-455 sid ta’ negozju żgħir u medju u dawn investew bejniethom 70 miljun ewro. Dawn l-iskemi ntlaqgħu tajjeb u Gvern immexxi minni se jkompli jinvesti fikom is-sidien tan-negozji.
Fil-ħames snin li ġejjin irridu li ninvestu mill-anqas 215-il miljun ewro fis-settur tat-turiżmu sabiex inkomplu nġibu aktar turisti lejn Malta u wisq aktar noħolqu aktar xogħol.
Sinjuri
Illum qegħdin nassistu għal kapitolu ieħor fl-istorja tal-aħwa Xuereb li minn restaurant f’Marsaxlokk fetħu negozju tal-kiri tal-karozzi u chauffeur services u llum komplew jespandu permezz ta’ din il-Guest House.
Investiment f’guest house imur ‘l hinn mill-ġebel, mill-kmamar u mill-faċilitajiet. Kull guest house u lukanda għandha rwol importanti fl-esperjenza tat-turist f’pajjiżna.
Il-ħidma tagħna lkoll – Gvern, settur privat u soċjetà ċivili – hi li naħdmu flimkien biex inġibu aktar turisti u ntejbu l-esperjenza ta’ kull turist li jiġi Malta.
Din il-ħidma qiegħda tagħti r-riżultati. Tul dawn l-aħħar ħames snin, pajjiżna kiseb erba’ snin rekords fit-turiżmu. Dawn fissru aktar xogħol għall-ħaddiema Maltin.
Il-Gvern immexxi minni jrid isostni u jtejjeb dawn ir-riżultati. Qegħdin ninvestu b’mod qawwi f’numru ta’ proġetti. Mill-proġetti tar-restawr tas-swar sal-proġetti tat-toroq u pavimentar; mill-proġetti ta’ trattament tad-drenaġġ sal-ispazji miftuħa mxerrdin ma’ Malta; mill-proġett tad-daħla tal-Belt sal-proġett tal-aquarium nazzjonali. Fl-istess ħin nedejna skema mmirata għas-settur privat li ġġenerat investiment ta’ aktar minn 20 miljun ewro li gawdew minnhom aktar minn 110 kumpanija. Huwa stmat li se jinħolqu mal-500 impieg ġdid. Din l-iskema kienet ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea u permezz tal-elf, mija u tmienja u għoxrin miljun li pajjiżna nnegozja mal-Unjoni Ewropea se nkomplu ninvestu fis-settur privat u fil-ħolqien tax-xogħol.
Sinjuri
Illum qegħdin niċċelebraw suċċess ieħor għall-aħwa Xuereb kif ukoll għal pajjiżna speċjalment għan-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Qegħdin niċċelebraw l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol fis-settur tat-turiżmu f’ pajjiżna.
F’isem il-Gvern nixtieq nirringrazzja lill-familja Xuereb għall-fiduċja li turi fil-pajjiż permezz tal-investiment tagħha.
Flimkien qegħdin noħolqu x-xogħol.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en