AKTAR KUMPANIJI ŻGĦAR JIBBENEFIKAW MILL-ISKEMA MICROINVEST U JKOMPLU JINVESTU FIN-NEGOZJU TAGĦHOM
Aktar minn 60 sena ilu Joseph Dingli kellu ħolma li jiftaħ negozju żgħir li fih jipproduċi t-tabelli. Illum, din il-kumpanija għada titmexxa minn ulied Joseph u tħaddem magħha 7 impjegati. Il-Kumpanija Gesco Signs li tinsab fil-Gzira hija waħda mill-mijiet ta’ kumpaniji li għarfet l-potenzjal tagħha sabiex tinvesti u tagħmel użu tajjeb mill-iskemi mħaddma mill-Gvern.
Waqt żjara li kienu qed jagħmlu lil din il-kumpanija dalgħodu, l-Ministru tal-Finanzi l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech u l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi setgħu jaraw b’għajnejhom l-investiment għaqli li l-kumpanija għamlet fuq magna tal-ipprintjar li l-fondi għaliha ntużaw mill-iskema Microinvest li l-kumpanija bbenefikat minnha u li permezz tagħha ħadet lura l-massimu ta’ €25,000 f’tax credit.
Is-Sur Henry Dingli f’isem Gesco Signs saħaq li permezz ta’ din l-iskema, il-kumpanija setgħet tkompli tinvesti f’magna tal-ipprintjar UV u b’hekk tkun tista’ tipproduċi x-xogħol tagħha bl-aħjar livell ta’ teknoloġija. Huwa qal li l-kumpanija bħalissa qed taħseb biex tkabbar il-kumpanija u żżid aktar impjegati.
Il-Ministru Tonio Fenech saħaq li minn mindu tnediet l-iskema Microinvest, huwa żar numru ta’ proġetti u investimenti li saru min-negozji żgħar ta’ pajjiżna u li gawdew minn din l-iskema, li l-għan tagħha kien li jinċentiva lis-sidien ta’ negozji żgħar f’pajjiżna ,li jħaddmu sa 10 minn nies, biex proprju jinvestu fin-negozju tagħhom u jħaddmu aktar nies. Qal li propju llum 3 snin wara, kulħadd jista’ jgħid li din kienet skema ta’ suċċess kbir li rat 1,842 benefiċjarju li permezz tal-MicroInvest investew mat-37 miljun Ewro; 7.5 miljun minnhom fil-pagi għal 786 impjieg ġdid. Bejniethom dawn in-negozju se jkunu qed jiffrankaw madwar 15-il miljun lura f’taxxa billi t-tax credit hija ta’ 40% f’Malta u 60% f’Għawdex, sa massimu ta’ 25,000 Ewro. Saħaq li l-investiment li għamlet il-kumpanija Gesco, ifisser investiment ta’ 25,000 Ewro li se jippermetti lill-kumpanija sabiex iżżid il-kwalità tat-tip ta’ stampar li tista’ tagħmel u tippermetti li tkun aktar effiċjenti f’xogħlha u fl-ispejjeż ta’ produzzjoni biex b’hekk tkun aktar kompetittiva.
Dan kollu, qal l-Ministru Fenech barra li f’pajjiżna xprunajna ambjent ekonomiku li joħloq l-attività għas-sidien ta’ negozju li jinkludu diversi proġetti kapitali li rajna f’pajjizna fl-aħħar snin fosthom l-investiment fil-pajjiż, 12,000 kumpanija ġdida ta’ daqs differenti li joħolqu wkoll xogħol għal kumpaniji żgħar bħal ma qegħdin fihom illum. Dan kollu jirrifletti s-suċċess fin-numru ta’ liċenzji tan-negozju li qed jinħargu kull sena li jlaħħqu l-1,200. Il-Ministru Fenech qal li jekk il-Partit Nazzjonalista jingħata fiduċja fil-5 snin li ġejjin, se jkun qed jestendi din l-iskema għal dawk li jħaddmu sa 30 persuna.
Minn naħa tiegħu l-Ministru Azzopardi qal li llum qed nassistu għal storja oħra ta’ suċċess fis-settur tan-negozji ż-żgħar. Qal li n-negozji Maltin huma eżempju ċar tal-bżulija, tad-deteminazzjoni, tal-investiment u tal-ħolqien ta’ mijiet ta’ imjiegi. Azzopardi qal li l-ħaddiema Maltin iridu garanzija ta’ serħan il-moħħ għall-impjieg tagħhom, u dan saħaq Azzopardi jista joffrih biss il-Partit Nazzjonalist li fil-5 snin li ġejjin se jkun qed joħloq 25,000 impjieg ġdid. Il-Ministru Azzopardi semma ftit mill-inċentivi li huma mmirati għan-negozji żgħar u medji sabiex dawn ikomplu jikbru u jissaħħu. Fost l-oħrajn semma li l-ħaddiema self-employed li jaħdmu fuq bażi part-time se jibdew iħallsu l-bolla pro-rata skont kemm hu l-qligħ tagħhom. Semma li għal min jaħdem għal rasu, ir-rata tal-bolla bejn l-età tal-irtirar u l-65 sena se tinżel minn 15% għal 10%.
Skema oħra importanti hija dik li jekk għandek anqas minn 25 sena jew kont tirreġistra għal ħames snin jew jekk għandek 45 sena jew aktar u tlift l-impjieg, il-Gvern iħajrek tiftaħ negozju tiegħek billi fl-ewwel sentejn tiġi eżentat mit-taxxa tad- dħul u tiġi kreditat bil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kif ukoll, jekk twaqqaf kumpanija, tiġi eżentat mill-ħlas ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija u minn spejjeż amministrattivi oħra bħal ħlasijiet ta’ liċenzji. Spjega li se jinħolqu wkoll start-up grants biex il-Gvern jassisti negozju li jkun qed jibda. Se jitwaqqaf ukoll fond biex jipprovdi start-up grants u kapital ta’ bejn €25,000 u €50,000 lil start-ups fl-industrija ġdida tal-digital gaming.
Dawn l-iskemi saħqu l-Ministri Fenech u Azzopardi huma biss ftit miżuri li se jkunu qed jgħinu lin-negozji Maltin u Għawdxin sabiex ikomplu jaħdmu fi klima ekonomika b’saħħitha fis-snin li ġejjin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en