INAWGURAZZJONI TAL-KLINIKA TAS-SAĦĦA MENTALI TAL-FURJANA U Ċ-ĊENTRU TA’ MATUL IL-JUM
Minbarra l-kura fl-Isptar Monte Carmeli, il-Gvern qed dejjem jinvestu fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunitajiet tagħna. Dan qed isir anki fuq direttivi tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. L-investiment tal-Gvern f’dan s-settur jikkonsisti f’160 professjonist li qed jaħdmu fil-komunità, 5 ċentri ta’ matul il-jum għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali fil-komunità, u sitt kliniċi fil-komunitajiet.
Dan barra s-suċċess tal-Crisis Intervention Team li għandu l-missjoni li joffri servizz ta’ appoġġ intensiv lil nies li jkunu qed jesperjenzaw kriżi psikjatrika.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor. Mario Galea waqt il-ftuħ tal-Klinika tas-Saħħa Mentali fil-Furjana. Fl-istess bini hemm ukoll ċentru ta’ matul il-jum għall-persuni bi bżonnijiet ta’ saħħa mentali.
Mario Galea tkellem dwar l-importanza tal-liġi tas-saħħa mentali li għaddiet f’din il-leġislatura. Il-liġi titkellem dwar kif il-kura involontarja tista’ tingħata wkoll fil-komunità u mhux bilfors f’istituzzjoni.
Din il-liġi tenfasizza li l-programm ta’ kura jrid jittieħed flimkien mal-pazjent innifsu, ma’ min qed jieħu ħsiebu u mal-professjonisti.
Mario Galea qal li matul is-sena 2012, 80 persuna qed jużaw iċ-ċentru ta’ matul il-jum tal-Furjana. 320 klijent qed juża il-ħames ċentri ta’ matul il-jum mifruxa madwar Malta.
612-il klijent qed jieħdu s-servizz fil-klinika tal-Furjana waqt li 3135 persuna qed jużaw is-sitt kliniċi li hemm fil-komunitajiet.
Mario Galea qal ukoll li bħalissa għaddejja skema bi sħab mal-Awtorità tad-Djar għall-klijenti li jtemmu l-kors ta’ kura fl-Isptar Monte Carmeli. Numru ta’ klijenti li joħorġu mill-Isptar Monte Carmeli sikwit jiltaqgħu ma’ problem soċjali u finanzjarji, li jikkawżaw tbatija kbira. Għal dan il-għan, is-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità ħaseb biex jgħin lil dawn il-persuni billi jilħaq ftehim mal-Housing Authority, fejn kull sena jinkera appartament issussidjat miż-żewġ entitajiet. Fil-preżent tmien persuni qed jużaw dan is-servizz.
Il-persuni li se jużaw il-flat jiġu segwiti mill-qrib minn staff professjonali li jgħinuhom fil-ħajja ta’ kuljum u jkollhom il-faċilità li jkomplu jagħmlu użu mid-diversi servizzi eżistenti fil-komunità, bħal kliniċi tas-saħħa mentali, Ċentri ta’ matul il-jum, outreach services u oħrajn.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en