Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR

pr0275
Date Icon 21/02/2013

Kjarifika Dwar Skema tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern fuq l-art magħrufa bħala “Tal-Klawsura” San Pawl Il-Baħar

B’referenza għal kjarifikazjonijiet mitluba minn partijiet interessati dwar applikazzjonijiet relatati ma’ l-iskema sabiex tiġi regolarizzata l-pożizzjoni ta’ proprjetajiet residenzjali li jaqgħu fiż-żona magħrufa bħal “Tal-Klawsura” San Pawl il-Baħar il-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur qiegħed jagħmel din il-kjarifika ta’ hawn taħt.

Qabel xejn jiġi preċiżat li bis-saħħa tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 358, li hija l-Liġi li timplimenta t-Trattat ta’ bejn Malta u s-Santa Sede tal-1991, il-Gvern għandu l-obbligu li jirreġistra bħala proprjetà pubblika, dik il-proprjetà kollha li ttrasferietlu l-Knisja u f’dan il-kaz l-art magħrufa bħal “Tal-Klawsura” San Pawl il-Baħar – “It-trasferiment tal-proprjetà immobbli li għaliha japplika l-Artikolu 6 għandu jiġi segwit bir-reġistrazzjoni tat-trasferiment tat-titolu għall-art fir-Reġistru tal-Artijiet meta t-titolu għall-art ikun diġà ġie reġistrat jew bir-reġistrazzjoni tal-art f’isem il-Gvern ta’ Malta meta t-titolu għall-art ma kienx ġie qabel reġistrat. Dik ir-reġistrazzjoni ta’ titolu jew trasferiment għandha sseħħ mal-ħruġ ta’ ċertifikat mill-Uffiċċju Konġunt lir-Reġistratur tal-Artijiet li juri li l-art tkun ġiet trasferita mingħand l-entitajiet ekkleżjastiċi għal għand il-Gvern ta’ Malta, u ma tkun meħtieġa ebda formalità oħra sabiex iseħħ it-trasferiment ħlief dan l-Att.”

Fil-kuntest tal-art msemmija hawn fuq għalhekk, il-Gvern ma kellu l-ebda għażla ħlief li hekk kif sar it-trasferiment ta’ din l-art lill-Gvern wara t-Trattat li ġie ffirmat mas-Santa Sede, il-Gvern jirreġistra tali art (jew ossia proprjetajiet) bħala art tal-Gvern. Minn dawn ir-registrazzjonijiet l-Gvern għamel mijiet u l-proċess għadu għaddej sakemm it-80,000 proprjetà u fuqhom li ġew trasferiti mill-Knisja lill-Istat Malti jkunu kollha reġistrati.

Madanakollu, fil-kuntest tar-realtà li s-sidien tal-proprjetajiet żviluppati fuq l-art in kwistjoni hawn fuq qegħdin fiha, u minħabba li l-proprjetajiet żviluppati fuq l-art inbiegħu lil terzi, il-Gvern ħass li għandu jagħmel skema sabiex jirregolarizza l-pożizzjoni ta’ dawn is-sidien – dan minflok ma ntużat l-attitudni li tittieħed azzjoni ulterjuri fil-konfront ta’ nies li qegħdin jokkupaw tali proprjetajiet mingħajr ebda titolu (bir-riżultat li dawn in-nies kienu jispiċċaw jitilfu l-proprjetà tagħhom). Kien għalhekk illi ġiet imfassla skema li permezz tagħha, b’kuxjenza soċjali, il-Gvern ippropona soluzzjoni sabiex ir-residenti ta’ dawn il-proprjetajiet jingħataw titolu fuq il-proprjetà tagħhom u ghalhekk serħan il-moħħ ta’ veru. L-iskema li ħarġet f’Novembru 2012 kienet tinvolvi ħlas nominali sabiex ir-residenti jingħataw titolu fuq il-proprjetà tagħhom u b’hekk il-Gvern jirtira kull pretensjoni tiegħu fuq dik l-art. Tali skema setgħet titfassal biss minħabba li l-Kapitolu 268, li hi l-Liġi li tirregola t-trasferiment ta’ artijiet tal-Gvern, jipprovdi għat-tfassil ta’ skemi simili fir-rigward ta’ residenzi u residenzi biss.

Il-Gvern hu kommess u determinat li f’sitwazzjonijiet simili fejn hemm kontestazzjoni rigward il-provenjenza tat-titolu, u fir-rigward ta’ areas speċifiċi f’Malta, jestendi l-applikazzjoni ta’ din l-iskema sabiex tiġi regolarizzata l-pożizzjoni ta’ proprjetajiet li mhumiex residenzi, iżda li wkoll huma milqutin minn reġistrazzjoni li saret mill-Gvern proprju minħabba d-dispożizzjonijiet tal-liġi.

Fil-fatt, tali skema għal proprjetà mhux residenjzali f’tal-Klawsura, f’San Pawl il-Bahar diġà ġiet imfassla, u l-Gvern qed jintrabat li appena jerġa’ jkun kostitwit u jiltaqa’ l-Parlament huwa jipproponi emenda għall-Kapitolu 268, sabiex din l-iskema tkun tista’ tiġi applikata għal proprjetajiet li mhumiex residenzi – u dan minħabba li l-liġi kif inhi fil-preżent tipprovdi biss għat-tfassil ta’ skemi sabiex jirregolarizzaw il-pożizzjoni ta’ residenzi.

B’hekk il-Gvern ikun offra soluzzjoni legali u soċjalment ġusta lil dawk kollha li jipposjedu proprjetà mhux residenzjali li oriġinarjament kienet tal-Knisja u li iżda llum hi proprjetà tal-Gvern Malti. Soluzzjoni li tagħti lil dawk kollha milqutin kemm serħan il-moħħ u anke titolu validu fil-liġi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow