DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITA`, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-UFFIĊĊINI L-ĠODDA TAD-DIPARTIMENT GĦAS-SAĦĦA AMBJENTALI – IL-ĦAMIS, 21 TA` FRAR 2013
Segretarju Permanenti,
Direttur Ġenerali,
Diretturi,
Mistiedna distinti,
Huwa ta’ pjaċir għalija bħala wieħed mill-aħħar inkarigi uffiċċjali tiegħi bħala Ministru għas-Saħħa li ninawgura proġett ieħor favur is-saħħa ambjentali. Proġett li forsi ilu żmien twil biex wasal, iżda li ħadt l-impenn kollu neċċessarju meħtieġ biex sa fl-aħħar narawh imwettaq.
Illum, fl-okkażjoni ta’ l-inawgurazzjoni ta’ dawn l-uffiċini l-ġodda għad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, ippermettuli nagħmel żewġ punti.
L-ewwelnett nixtieq naqsam magħkom ħarsa qasira lejn dak li jagħmel dan d-direttorat:
• Il-missjoni tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali hija li prinċiparjament tissalvagwardja s-saħħa tal-pubbliku billi tinkoraġġixxi, u tassigura, il-ħarsien ta’ liġijiet relatati mas-saħħa pubblika.
Dawn l-uffiċini ġodda ser jiġbru fi ħdanhom s-setturi kollha ta’ dan id-direttorat, jiġifieri l-health inspectors, l-uffiċjali tas-saħħa fil-portijiet, u lill-uffiċjali li jiżviluppaw u jikkordinaw il-politika tas-saħħa ambjentali.
Ix-xogħol siewi li qiegħed jagħmel dan id-Direttorat huwa wieħed vast. L-ISO certification li akkwista d-Direttorat huwa xhieda tal-mod eċċellenti li bih dan id-Dipartiment jagħti s-servizz f’pajjiżna, u ta’ kemm jilqa’ lmenti, kummenti u suġġerimenti tal-pubbliku b’mod effettiv.
Ħarsa żgħira lejn xi statistika tas-sena 2012 turina li
-6,575 ilment mill-pubbliku ġie investigat . 5,742 ilment kien fuq materji ambjentali, waqt li 833 kienu lmetni relatati mal-ikel
-Iktar minn 8,000 entita` tal-ikel kienu spezzjonati
-Madwar 40,000 prodott tal-ikel jew mediċinali kienu studjati
-Madwar 2,000 immigrant irregolari kienu eżaminajiet mal-wasla tagħhom f’Malta
-Ġew inizzjati passi legali fuq madwar 500 każ.
Din hija biss statistika żgħira tal-attivita` li saret minn dan id-dipartiment, u mhux rendikont tax-xogħol kollu li sar minn l-uffiċjali u l-professjonisti li jaħdmu fi ħdan dan d-dipartiment.
Wieħed għalhekk ma jistax ma japprezzax kemm qiegħed jagħmel xogħol siewi dan id-direttorat u forsi wkoll ma nintebħux bil-kif qiegħed iwettaq dan l-istess xogħol b’ħafna sfumaturi differenti.
Għalhekk huwa ta’ pjaċir kbir għalija li qiegħed hawn illum sabiex il-pubbliku jkun aktar infurmat dwar il-kontribut importanti li qiegħed jagħti dan id-direttorat lejn is- saħħa tagħna u s-saħħa tal-pubbliku ta’ Malta.
Din l-informazzjoni teħodni għat-tieni u l-aħħar punt li nixtieq ngħaddi. Hawnhekk nixtieq ngħaddi messaġġ ċar ta’ ringrazzjament. Nixtieq nirringrazzja lill-uffiċjali u l-professjonisti kollha li b’ħilithom u d-dedikazzjoni tagħhom jassiguraw suċċess konsistenti f’dan id-Direttorat.
Nixtieq nindirizza wkoll ir-ringrazzjament tiegħi lill-pubbliku inġenerali tal-kontribut u ko-operazzjoni lejn ix-xogħol tad-Direttorat għas-Saħħa Pubblika.
Il-kontribut tal-pubbliku huwa essenzjali għaliex irid jimxi id f’id ma’ l-impenn u d-dedikazzjoni li kull wieħed u waħda minkom li taħdmu f’dan id-direttorat tagħtu.
Ippermettuli biex f’isem il-Gvern, nieħu l-opportunita` sabiex nirringrazzja lill-pubbliku u ninkoraġġixxi lill-pubbliku jkompli jgħin lill-Gvern bil-kontribut u ko-operazzjoni tiegħu lejn dan id-direttorat.
Dawn l-uffiċini ġodda huma xhieda tal-apprezzament u l-investiment tal-Gvern lejn is-settur tal-ħarsien tas-saħħa pubblika. Dawn l-uffiċini u l-investiment li sar fl-apparat relatat huma xhieda ta’ kemm il-Gvern jirrikonoxxi l-irwol u l-kontribut tagħkom u ta’ dan id-dirrettorat u tal-fiduċja tal-Gvern għal xogħol siewi fis-snin li ġejjin.
Nawgura li dawn l-uffiċini ġodda jkunu ta’ użu tajjeb lejn is-soċjeta` tagħna. B’hekk inkunu nistgħu nibqgħu nazzjon li bil-ħidma tagħna nixhdu l-impenn kontinwu sabiex nissalvagwardjaw is-saħħa pubblika u fejn is-saħħa tal-bniedem tibqa’ prijorita`.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en