DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-QORMI SPORTS & FITNESS PARK, ĦAL QORMI – IT-TLIETA, 19 TA’ FRAR 2013
Onorevoli Segretarju Parlamentari,
Mistiedna distinti,
Familji u residenti,
Huwa ta’ sodisfazzjon għalija bħala Prim Ministru ninawgura proġett ieħor li wettaq il-Gvern favur l-isports u l-familji tagħna.
Sodisfazzjon għax qed niddedikaw ir-riżorsa prezzjuża tagħna tal-art lejn faċilitajiet sportivi u spazji għall-familji tagħna.
Investejna fikom ir-residenti tal-lokalitajiet tagħna u l-familji tagħna.
Investejna u ħloqna x-xogħol.
Fejn gvernijiet ewropej naqqsu l-investiment fl-isports u faċilitaijiet oħra għall- familji minħabba l-kriżi ekonomika, il-Gvern immexxi minni seta’ jinvesti fikom u fil-kwalità tal-ħajja tagħkom fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Irnexxielna għax ħadna d-deċiżjonijiet responsabbli, maturi u b’għaqal fi żminijiet diffiċli.
Frott ta’ dawn id-deċiżjonijiet, illum nistgħu għalhekk ninawguraw proġett ieħor sportiv, rikreattiv u li jsebbaħ il-lokalità filwaqt li jsaħħaħ ukoll l-assoċjazzjonijiet sportivi tal-lokalità.
Dan il-proġett huwa ħolqa oħra f’katina sħiħa ta’ proġetti u inizjattivi li ħadna biex inżidu l-faċilitajiet sportivi fil-komunitajiet tagħna kif ukoll ta’ investiment fl-assoċjazzjonijiet sportivi.
Dan il-proġett jinkludi outdoor gym u li jingħaqad mal-outdoor gyms li saru f’Ta Qali, f’Ħaż-Żabbar u fil-Mellieħa. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jiftaħ aktar minn dawn il-faċilitajiet li għamlu suċċess mar-residenti ta’ kull età. Se nkomplu nimxu f’din direzzjoni u Gvern immexxi minni huwa kommess li jinvesti f’outdoor gym f’kull lokalità flimkien mat-tisħiħ u upgrading tal-playing fields eżistenti. Irridu t-tfal tagħna jilagħbu f’ambjent modern u sigur.
Dawn il-faċilitajiet jingħaqdu ma’ faċilitajiet oħra li għandu dan il-park għall-adollexenti kif ukoll għat-tfal iż-żgħar. Wara s-suċċess tal-adventure park f’ Ta’Qali, li ttrasformajna minn car park, il-Gvern kif ukoll numru ta’ Kunsilli Lokali qegħdin jinvestu f’dawn il-faċilitajiet.
Qegħdin ninvestu l-miljuni f’infrastruttura sportiva speċjalment fil-komunitajiet tagħna għall-benefiċċju tal-għaqdiet lokali.
F’kull skola ġdida li ftaħna kull sena – f’Bormla, Pembroke, Għawdex u l-Mosta - investejna f’faċilitajiet sportivi tal-ogħla kwalità li qed igawdu minnhom mhux biss l-istudenti u l-għalliema imma anke l-komunitajiet u l-assoċjazzjonijiet. B’investiment ta’ 7 miljun ewro għall-faċilitajiet sportivi, 41 għaqda sportiva qed jagħmlu użu mill-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel tagħna. Fil-ġimgħat li ġejjin se jkolli l-unur li ninawgura l-iskola l-ġdida f’Tal-Ħandaq, ftit ‘il bogħod minn fejn qegħdin illejla b’investiment ta’ 8 miljun ewro. Bdejna l-proċess sabiex jinbena Kumpless Sportiv ġdid b’investiment ta’ 3.5 miljun ewro u se jkun mibni fuq il-kunċett tal-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop li ftaħna fl-2012 u li qed igawdu minnu numru ta’ għaqdiet sportivi.
Matul dawn il-ħames snin, il-Gvern ikun ta għajnuna rekord lill-għaqdiet sportivi f’pajjiżna.
Qed jitkompla l-investiment fil-grawnds tal-futbol imxerrdin ma’ pajjiżna. B’investiment tal-Gvern bi sħab mal-Malta Football Association, se jkunu saru u ġew żviluppati 52 grawnd tal-futbol. Ġimagħtejn ilu ħabbarna proġett ġdid li se jagħti faċilitajiet ġodda għad-dixxiplina tar-rugby. Fl-istess ħin permezz ta’ 26 skema li nedejna tul dawn l-aħħar ħames snin se nkunu investejna 8 miljun ewro fl-għaqdiet sportivi tagħna.
Dan il-proġett ukoll iħares lejn l-assoċjazzjonijiet tal-lokalità permezz ta’ club house għal klabb tal-hockey kif ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fil-klabb tal-boċċi. Dan jingħaqad max-xogħol ta’ manutenzjoni f’35 klabb tal-boċċi kif ukoll qiegħed jiġi żviluppat l-ewwel indoor pitch tal-boċċi f’Malta.
Irridu aktar għaqdiet ikomplu jiżviluppaw l-art tagħhom u fil-ħames snin li ġejjin Gvern immexxi minni se jkun qiegħed jassisti l-għaqdiet jissieħbu mal-privat sabiex jiżviluppaw l-art tagħhom.
Irridu nkomplu nibnu fuq dawn is-suċċessi.
Permezz tal-elf mija u tmienja u għoxrin miljun ewro li l-Gvern immexxi minni kiseb mill-fondi ewropej wara negozjati diffiċli, aħna kommessi li nkomplu ninvestuhom fil-familji tagħna. Se nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni ta’ wliedna, fis-saħħa tagħna kif ukoll fil-Kunsilli Lokali sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Dawn il-proġetti kollha qed jgħinu biex pajjiżna joħloq ix-xogħol.
Tapprezzaw li dan il-proġett u tant proġetti oħra fil-qasam sportiv saru minn numru ta’ ħaddiema. L-investiment fl-isports u fil-kumplessi sportivi qed iwassal għal ħolqien tax-xogħol mhux biss fil-bini imma wkoll fil-manutenzjoni kif ukoll f’gym instructors.
Kull proġett li għamilna ħoloq ix-xogħol.
Għalhekk pajjiżna rnexxielu joħloq 20,000 post tax-xogħol u kommesi li nkompli ninvestu fil-proġetti sabiex noħolqu aktar postijiet tax-xogħol.
Kommessi li noħolqu 25,000 fil-ħames snin li ġejjin għax hekk għandu bżonn il-pajjiż. Kif irnexxielna tul dawn l-aħħar ħames snin, jirnexxielna wkoll fis-snin li ġejjien.
Sinjuri,
L-attività tal-lejla tixhed l-impenn tagħna lejn il-faċilitajiet sportivi u rikreattivi fil-lokalitajiet tagħna.
Tixhed ukoll il-ħidma kollaborattiva bejn il-Gvern u l-assoċjazzjonijiet sportivi f’ Malta u l-investiment li qed nagħmlu fihom.
Fuq kollox, l-attività tal-lejla hi ċelebrazzjoni ta’ investiment fit-tfal tagħna, fiż-żgħażagħ tagħna, fil-lokalitajiet tagħna u fil-pajjiż.
Il-Gvern qiegħed irodd lill-komunità Qormija spazju u faċilitajiet sportivi għall-użu tagħkom ilkoll.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en