JINTLAĦAQ FTEHIM STORIKU BEJN IL-PAJJIŻI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA DWAR IL-PATENTS
Wara aktar minn 40 sena ta’ taħditiet u diskussjonijiet dwar il-liġi fuq il-patents, illum fi Brussel ġie ffirmat ftehim storiku bejn 26 membru tal-Unjoni Ewropea.
Sal-llum kull pajjiż Ewropew li xtaq jirreġistra patent, kellu proċeduri separati mill-bqija tal-pajjiżi l-oħra Ewropej, fejn pajjiż kien ikollu jirreġistra dan il-patent f’kull pajjiz membru tal-Unjoni Ewropea. Il-ftehim li sar illum, se jfisser tnaqqis sostanzjali tal-ispejjeż għan-negozji żgħar u medji u b’hekk se jkun qed jagħti spinta lill-kompetittività tagħhom.
Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi li kien qed imexxi delegazzjoni Maltija f’isem il-Gvern Malti, qal li fl-aħħar 5 snin kien hemm avvanz kbir f’dan is-settur u tenna li Malta dejjem kienet fuq quddiem sabiex tmexxi din il-ftehim pass il-quddiem, biex b’hekk primarjament igawdu n-negozji Maltin u Ewropej kollha.
Permezz tal-ftehim tal-llum, ġie deċiż li titwaqqaf qorti waħda Ewropea; il-Unified Patent Court ( UPC) li se jkollha ġurisdizzjoni fuq il-pajjiżi Ewropej li ffirmaw dan il-ftehim. B’hekk din il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi kull reġistrazzjoni ta’ patents li jsiru fl- Ewropa. Apparti minn hekk l-istess Qorti se tkun qed tissalvagwardja l-interess ta’ kull pajjiż Ewropew billi tassumi l-garanzija ta’ qafas legali fuq dawn il-patents.
Fost ix-xogħol tagħha, l-UPC se tkun qed tiggarantixxi li ma jkunx hemm l-istess każijiet ta’ patents minn pajjiżi Ewropej kif ukoll tipprevjeni sentenzi tal-qrati li jkunu kontradittorji fuq dan is-suġġett. Huwa previst li l-ewwel reġistrazzjoni ta’ patent f’din il-Qorti se jsir kmieni s-sena d-dieħla .
Il-Ministru Azzopardi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim li fi kliemu qal, se jkun qed jirrifletti proċess aktar ħieles, serħan il-moħħ u garanzija ta’ aktar xogħol fl-Ewropa. Huwa qal li din hija kisba oħra importanti għal pajjiżna li se tkompli tiffaċilita l-innovazzjoni u l-kummerċ għal aktar negozji Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en