IL-GVERN JAGĦTI €300,000 FIS-SENA LILL-ISKOLA MARIAM AL BATOOL
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol James Calleja u l-Imam Mohammad Elsadi f’isem l-iskola Mariam Al Batool, illum iffirmaw ftehim fil-preżenza tal-Ministru Dolores Cristina li permezz tiegħu il-Gvern qed jintrabat li jagħti s-somma ta’ €300,000 fis-sena lill-imsemmija skola.
Il-ftehim jorbot lill-imsemmija skola li timxi mal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali u li tagħti rendikont regolari lid-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, dwar kif qed jintefqu dawn il-flus. Il-Gvern se jkollu membru bid-dritt għall-vot fuq il-Bord tal-Iskola. Fil-kurrikulu tagħha l-iskola se tgħallem il-lingwa Maltija sal-livell tas-SEC lill-istudenti Maltin li jattendu fiha.
Min-naħa tagħha l-iskola se tkun tista’ tibgħat l-għalliema tagħha għas-sessjonijiet ta’ taħriġ professjonali provduti mid-Direttorat tal-Edukazzjoni, tista’ tagħmel użu bla ħlas miċ-ċentri ta’ riżorsi tal-Gvern f’każ ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali u tista’ tfittex pariri tekniċi u professjonali mid-Direttorati tal-Edukazzjoni bla ma tħallas għalihom.
Qabel l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, l-Imam kellu laqgħa mal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina li fiha ddiskutew il-kooperazzjoni bejn il-Gvern u l-Iskola Mariam Al Batool.
Ta’ min ifakkar li ftit tal-ġimgħat ilu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien għamel żjara uffiċjali fl-imsemmija skola li matulha l-Imam kien għamel diversi talbiet lill-Gvern f’isem il-komunità Musulumana f’Malta. Il-ftehim iffirmat illum hu riżultat ta’ dik iż-żjara.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en