Left arrow Go Back

IS-SENA EWROPEA GĦAĊ-ĊITTADINI 2013 - LAQGĦA GĦALL-IMSIEĦBA

pr0258
Date Icon 19/02/2013

Ilbieraħ, il-MEUSAC bħala l-Kordinatur Nazzjonali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 appuntat mill-Gvern, organizza laqgħa li għaliha ġew mistiedna diversi entitajiet governattivi, punti ta’ kuntatt tal-UE f’Malta u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jiddiskutu kif jistgħu jaħdmu flimkien ħalli jintlaħqu l-għanijiet tas-Sena Ewropea f’Malta. Is-Sena Ewropea qiegħda tiġi ċċelebrata biex tfakkar l-20 anniversarju mid-dħul tal-kunċett taċ-ċittadinanza Ewropea fl-1993 bit-Trattat ta’ Maastricht. Biex timmarka dan l-anniversarju, f’Mejju ta’ din is-sena l-Kummissjoni Ewropea se toħroġ it-tieni rapport dwar iċ-ċittadinanza Ewropea. Dan ir-Rapport mistenni jħabbar l-inizjattivi li biħsiebha twettaq l-UE fis-snin li ġejjin favur iċ-ċittadini Ewropej u jelenka kif iċ-ċittadini stess jixtiequ li jingħelbu l-ostakli ħalli jkunu iktar ċittadini attivi u jissieħbu aktar fit-tmexxija demokratika tal-UE.

Il-laqgħa, li saret fiċ-Ċentru Aċċess, il-Belt Valletta, kienet indirizzata mill-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb u uffiċjali oħra tal-MEUSAC, mill-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, is-Sur Martin Bugelli, u miċ-ċerpersin tal-grupp ta’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw l-Alleanza Ewropea għas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini f’Malta, is-Sur Jimmy Magro.

Dott. Xuereb, irringrazzja lill-parteċipanti għall-interess tagħhom biex matul din is-sena, dawk kollha li jipprovdu servizzi relatati mal-UE liċ-ċittadini f’Malta u Għawdex, jiġbdu ħabel wieħed. Din il-kollaborazzjoni tissarraf biex il-messaġġi tas-Sena Ewropea jilħqu iktar ċittadini u b’mod iktar effettiv. Uffiċjali tal-MEUSAC spjegaw l-oġġettivi ewlenin ta’ din is-Sena, maħsuba biex tkabbar l-għarfien tad-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li tqajjem dibattitu wiesa’ għal iktar parteċipazzjoni fit-twettiq tal-politiki tal-UE. Il-parteċipanti ġew mgħarrfa wkoll bl-opportunitajiet ta’ fondi tal-UE għal inizjattivi li jsaħħu ċ-ċittadinanza attiva u l-benefiċċji li tagħti l-UE f’dan ir-rigward.

Dott. Xuereb ta ħjiel ukoll dwar xi attivitajiet u inizjattivi li jistgħu jittieħdu matul din is-Sena, kemm mill-MEUSAC u kif ukoll mill-entitajiet involuti. Permezz ta’ konferenzi u seminars, programmi u avviżi fil-mezzi tax-xandir, djalogi pubbliċi u materjal ta’ informazzjoni, il-pubbliku jista’ jkabbar l-għarfien tiegħu dwar x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi, jidentifika l-ostakli li jiffaċċja bħala ċittadini Ewropej u jagħraf ukoll kif jista’ jikkontribwixxi għal UE iktar demokratika u viċin iċ-ċittadini.

Dawk li pparteċipaw fil-laqgħa urew rieda sħiħa ta’ kollaborazzjoni biex is-suċċess tas-Sena jkun ikbar u fl-aħħar mill-aħħar din il-kollaborazzjoni tissarraf f’kisbiet akbar għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u għaċ-ċittadini Ewropej residenti fil-gżejjer Maltin.



Fid-diskussjoni, il-parteċipanti qajmu diversi punti dwar kif iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jistgħu jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ din is-Sena Ewropea u jifhmu aħjar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala ċittadini Ewropej:

• L-importanza ta’ djalogi u opportunitajiet fejn iċ-ċittadini jsemmgħu leħinhom, għaliex wara kollox, id-drittijiet eżistenti huma frott tal-kontestazzjoni taċ-ċittadini stess matul is-snin.

• Din is-sena għandha tfittex kif issir implimentazzjoni aħjar tad-drittijiet eżistenti bħal pereżempju d-dritt ta’ petizzjoni u l-mistoqsijiet li jagħmlu l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin fil-Parlament Ewropew.

• Jiġu diskussi suġġetti li jiġbru aspetti differenti li jolqtu l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini, bħal pereżempju d-Direttiva għall-Kura Transkonfinali tas-Saħħa li se tidħol fis-seħħ sal-aħħar ta’ din is-sena, id-drittijiet tal-pazjenti u l-użu tal-Kard Ewropea għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa.

• L-użu li jistgħu jagħmlu l-NGOs u l-kunsilli lokali minn fondi tal-UE dedikati speċifikament għaċ-ċittadinanza attiva, bħal pereżempju l-ġemellaġġi ma’ bliet u rħula fi Stati Membri oħra u esperjenzi ta’ skambju għaż-żgħażagħ.

• Kollaborazzjoni fl-aspett kulturali u d-drittijiet ta’ artisti żgħażagħ.

• Kif il-volontarjat jista’ jikkontribwixxi għal ċittadinanza iktar attiva. 

Dott. Vanni Xuereb ikkonkluda l-laqgħa billi awgura kollaborazzjoni sħiħa bejn l-imsieħba matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini; kollaborazzjoni li għandha tibqa’ anki wara li tgħaddi s-Sena biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin igawdu bis-sħiħ mis-sħubija ta’ Malta fl-UE u l-benefiċċji marbuta maċ-ċittadinanza Ewropea.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow