Left arrow Mur Lura

IL-MEUSAC JIPPREŻENTA R-RAPPORT ANNWALI GĦALL-2012

pr0253
Date Icon 18/02/2013

Il-Ministru għall-Ġustizzja, id-Djalogu u l-Familja, Dott. Chris Said, dalgħodu ppreżenta r-Rapport Annwali tal-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) għall-2012. Sa minn meta reġa’ twaqqaf fl-2008, il-MEUSAC wettaq il-ħidma stabbilita mill-Gvern għall-konsultazzjoni dwar il-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE, l-assistenza għall-fondi u l-għoti tal-informazzjoni dwar l-UE.

Ir-Rapport Annwali jagħti ħarsa lejn l-attivitajiet ewlenin u l-kisbit tal-MEUSAC fl-2012.

Il-Konsultazzjoni dwar il-Politika u l-Leġiżlazzjoni tal-UE

Is-sena l-oħra komplew isiru l-laqgħat regolari tal-Core Group u l-Kumitati Settorjali u sessjonijiet oħra ta’ konsultazzjoni. Barra minn hekk, il-membri (rappreżentatnti tat-tliet partiti, korpi kostitwiti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) inżammu aġġornati regolarment dwar l-aħħar żviluppi fil-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE u dwar il-pożizzjoni li tkun ser tittieħed minn Malta fil-Kunsill tal-UE fuq dawn il-proposti. Saru wkoll laqgħat individwali mal-Organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) biex tissaħħaħ u tikber il-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ konsultazzjoni. Il-MEUSAC jaħdem ukoll mal-ministeri tal-gvern, entitajiet u dipartimenti, u mal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u tal-UE tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

L-Assistenza għall-Fondi tal-UE

Il-MEUSAC joffri assistenza personalizzata u għajnuna lill-kunsilli lokali u lill-NGOs fl-iżvilupp ta’ proġetti u fis-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet marbuta ma’ opportunitajiet għall-Fondi tal-UE. Din l-assistenza tiffoka fuq pariri prattiċi dwar l-ippjanar u l-iddisinjar tal-proġetti, biex jiġi żgurat li l-proġetti jkunu eliġibbli skont il-kriterji stabbiliti fil-programmi partikulari. Is-sena l-oħra, saru 574 laqgħa individwali ma’ kunsilli lokali u NGOs, li 157 minnhom saru ma’ entitajiet li qatt ma kienu sfruttaw is-servizzi tal-MEUSAC. Il-MEUSAC assista lil numru ta’ NGOs u kunsilli lokali biex jissottomettu 72 proġett taħt diversi programmi ta’ fondi tal-UE li jammontaw għal €5 miljun. Sa minn meta twaqqaf mill-ġdid, il-MEUSAC assista NGOs u kunsilli lokali biex jiksbu €18.5 miljun f’fondi tal-UE li ssarrfu f’145 proġett.

L-Informazzjoni dwar l-UE

Il-MEUSAC hija l-entità governattiva responsabbli għall-informazzjoni dwar l-UE. Matul l-2012 ġew organizzati diversi attivitajiet biex jippromwovu u jispjegaw politiki tal-UE, dwar suġġetti attwali u dwar opportunitajiet ta’ fondi. Il-MEUSAC juża wkoll mezzi tax-xandir differenti bħar-radju, it-TV, il-gazzetti u magażins, u mezzi onlajn bħall-Facebook, LinkedIn, You Tube, u Twitter. Fl-2012, il-MEUSAC nieda wkoll websajt ġdida u ppubblika 22 ħarġa tal-‘MEUSAC News’ li titqassam mal-gazzetta ‘The Times’. Il-MEUSAC għandu wkoll websajt apposta għall-informazzjoni dwar il-fondi tal-UE (Funding360.eu) li tikkonsisti f’rivista elettronika ta’ kull xahar, webalerts, RSS feeds u faċilitajiet għall-kisba ta’ msieħba għall-proġetti. Il-MEUSAC jassisti wkoll lill-pubbliku ġenerali f’diffikultajiet jew mistoqsijiet li jkollhom dwar drittijiet taċ-ċittadini fl-UE u dwar opportunitajiet ta’ fondi.

Is-sena l-oħra, bħas-snin ta’ qabel, il-MEUSAC organizza konferenza annwali biex jitfakkar Jum l-Ewropa u l-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-UE. Is-sena l-oħra din il-konferenza saret f’Għawdex u ffukat dwar kif din il-gżira-reġjun ibbenefikat mill-opportunitajiet marbuta mas-sħubija fl-UE. 

Il-MEUSACorganizza wkoll djalogi pubbliċi ma’ diversi mistednin distinti: Egemen Bağış, Kap Negozjatur u Ministru tat-Turkija għall-Affarijiet tal-UE; David Lidington, Ministru tal-Istat fl-Uffiċċju tal-Commonwealth fir-Renju Unit; u Lucinda Creighton, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tal-Irlanda. 

Il-MEUSAC huwa wkoll involut fi Sħubija ta’ Ġestjoni (Management Partnership) – ftehim interistituzzjonali bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew – maħsub biex iqarreb iktar lejn xulxin l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini. L-2012 kienet ir-raba’ sena ta’ dan il-Ftehim f’Malta; ftehim li l-MEUSAC huwa responsabbli li jimplimenta billi jwettaq inizjattivi ta’ komunikazzjoni. Inħadmu u twettqu 7 proġetti minn fondi tal-UE li jammontaw għal €249,062.66.

Il-proġetti kienu jnkludu l-promozzjoni ta’ konsultazzjoni onlajn dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE; attivitajiet b’temi marbuta mal-UE fi ħdan attivitajiet nazzjonali kbar bħan-Notte Bianca; kampanja biex tiġi promossa s-Sena Ewropea għall-Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet 2012; l-iżvilupp tat-Tielet Episodju ta’ Tommy u Rosy; u attivitajiet għall-NGOs u l-kunsilli lokali dwar l-Istrateġija ‘Ewropa 2020’.

F’Mejju 2012, il-Ministru għall-Ġustizzja, id-Djalogu u l-Familja, id-Dipartiment tal-Informazzjoni u l-MEUSAC ingħaqdu biex iniedu ‘L-Ewropa fuq ir-Roti’ - inizjattiva maħsuba biex iżżid l-għarfien dwar kif il-fondi tal-UE qegħdin jintefqu f’Malta. Fl-2012, ġew organizzati 78 tour differenti għal iktar minn 3,600 student/a u ċittadini minn diversi skejjel u lokalitajiet f’Malta. 15-il tour ġew organizzati għal iktar minn 750 persuna f’Għawdex. 

Il-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb, li elenka l-punti ewlenin ta’ ħidma fir-Rapport Annwali, irringrazzja lill-Ministru Said għas-sapport tiegħu sa minn meta ġie deċiż li jerġa’ jitwaqqaf il-MEUSAC; l-ewwel bħala Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mid-Djalogu Pubbliku u iktar tard bħala Ministru għall-Ġustizzja, id-Djalogu u l-Familja.

Dott. Xuereb qal li l-fatturi ewlenin għas-suċċess tal-MEUSAC kienu:

·          Impenn qawwi u s-sapport mill-imsieħba kollha fil-MEUSAC – il-Gvern, il-partiti politiċi, il-korpi kostitwiti, is-soċjetà ċivili u l-kunsilli lokali;

·          Kollaborazzjoni mill-qrib ma’ entitajiet oħrajn fil-qasam tal-UE – iż-żewġ Rappreżentanti Permanenti ta’ Malta għall-UE, is-Segretarjat għall-UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, id-diretturi għall-affarijiet tal-UE u l-ħaddiema tagħhom fid-diversi ministeri u entitajiet pubbliċi, l-Ambaxxati akkreditati għal Malta, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.

·          Tim dinamiku li jmexxi l-MEUSAC u uffiċjali dedikati u motivati li jiżguraw li s-servizzi offruti mill-MEUSAC huma tal-ogħla kalibru professjonali.

·          Il-flessibiltà u r-rieda ta’ adattament tal-istrutturi u l-proċeduri tal-MEUSAC biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-imsieħba.

Ħabbar ukoll li Ftehim ta’ Ġestjoni ġdid huwa mistenni jiġi ffirmat dalwaqt bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-MEUSAC – ftehim li bih jinkisbu mal-€250,000 kull sena għall-erba’ snin li ġejjin biex jitwettqu inizjattivi konġunti ta’ komunikazzjoni.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Chris Said faħħar l-isforzi tal-MEUSAC matul is-sena l-oħra biex irnexxielu jwettaq bis-sħiħ il-funzjonijiet tiegħu. Il-MEUSAC ħadem bis-sħiħ bħala entità ta’ informazzjoni u konsultazzjoni dwar materji marbuta mal-politiki tal-UE; u reġa’ għal darba oħra wera li għandu r-riżorsi u l-kompetenzi professjonali biex jasisti lill-kunsilli lokali u lill-għaqdiet mhux governattivi biex jibbenefikaw minn iktar fondi tal-UE; u kompla jservi ta’ punt ta’ informazzjoni lill-pubbliku fejn jidħlu proġetti finanzjati mill-UE.

Il-Ministru Said irrefera b’mod partikolari għall-inizjattiva ta’ suċċess, ‘L-Ewropa fuq ir-Roti’, imnedija s-sena l-oħra, li pprovdiet esperjenza tanġibbli għal eluf ta’ Maltin u Għawdxin li setgħu jaraw u jmissu b’idejhom il-proġetti li saru f’Malta u Għawdex b’kofinanzjament mill-UE. Hu faħħar ukoll lill-MEUSAC għall-assistenza kontinwa lil mijiet ta’ voluntieri fl-oqsma soċjali u kulturali u oħrajn, biex japplikaw b’suċċess u jwettqu proġetti finanzjati mill-UE. “Bl-għajnuna tal-MEUSAC, twettqu u jkomplu jitwettqu proġetti differenti għall-benefiċċju ta’ Malta u Għawdex”, qal il-Ministru Said.

Il-Ministru għalaq billi qal li r-Rapport Annwali tal-MEUSAC juri kemm kien pass għaqli tal-Gvern li jwaqqaf din l-entità ħames snin ilu; din kienet waħda mill-ewwel inizjattivi li ħa l-Gvern fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura, bil-ħatra ta’ Segretarju Parlamentari responsabbli għad-Djalogu Pubbliku. Wera wkoll is-sodisfazzjon tiegħu li hu kien l-ewwel membru tal-Kabinett responsabbli mid-Djalogu Pubbliku u wera t-tama li l-proċess ta’ konsultazzjoni jibqa’ jitħaddem fil-leġiżlaturi li ġejjin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow