DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAĊ-ĊENTRU TAL-INTERPRETAZZJONI TAS-SWAR, BIAGGIO STEPS, VALLETTA - IS-SIBT, 16 TA’ FRAR 2013
Onorevoli Ministru,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
L-esperjenza tal-lejla fejn qed ninawguraw dan l-investiment f'Ċentru tal-Interpretazzjoni tas-Swar hi waħda bi sfumaturi differenti.
Hi ċelebrazzjoni kulturali, artistika, edukattiva u ekonomika.
Ċelebrazzjoni ta' investiment ieħor ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u tad-deċiżjoni t-tajba li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea.
Hi wkoll ċelebrazzjoni ta' investiment ieħor fi proġett li jirrendi għal pajjiżna - proġett li jsaħħaħ l-apprezzament tagħna lejn l-istorja ta' pajjiżna.
Għalhekk huwa b'sens ta' sodisfazzjon u kburija nazzjonali li qiegħed hawn illejla magħkom biex ninawguraw The Fortress Builders.
Kull pajjiż għandu identità nazzjonali miġbura f'xi qasam jew ieħor tal-attività umana. Meta nħarsu lura lejn l-istorja ta' pajjiżna, insibu poplu li bbrilla fost l-oħrajn fix-xogħol tal-ġebla. Ġebla li hija riżorsa naturali u li serviet bħala tila fejn il-ħaddiem Malti esprima l-ħila u l-kreattività tiegħu f'kull epoka tal-istorja.
L-iżvilupp ta' pajjiżna huwa dokumentat fil-ġebla tagħna stess. L-arkitettura ta' pajjiżna; ta' kull forma, epoka u stil; hi arkitettura li tiddokumenta l-identità ta' poplu ħabrieki, produttiv u kreattiv. Mill-ġebel maestuż tat-tempji tagħna sal-katakombi, mill-knejjes barokki sas-swar tagħna, mill-bereġ tal-Ordni ta' Malta sal-bini ta’ żmien l-Ingliżi u sal-bini modern hija dejjem il-ġebla li tibqa’ d-dokument ħaj u oriġinali tal-istorja tal-poplu tagħna.
Iċ-Ċentru li qegħdin fih illum jistedinna nħarsu lejn epoka u avvenimenti partikulari fl-istorja ta' pajjiżna u tal-Ewropa. Il-bini tal-fortifikazzjonijiet mill-Ordni ta' San Ġwann ifakkarna fil-perjodu qalil u delikat tal-istorja ta' Malta fejn dawn l-istess swar kienu wkoll fruntiera Ewropea. Kienu dawn is-swar mibnija ġebla, ġebla minn tant ħaddiema Maltin li ddeterminaw l-istorja mhux biss ta' pajjiżna imma tal-Ewropa ukoll.
Il-fortifikazzjonijjiet Maltin huma espressjoni ta' arkitettura, inġinerija u arti magħġuna f'kull ġebla.
Dan iċ-Ċentru għalhekk jiftaħ tieqa sabiex il-viżitatur jiskopri aktar fuq dawn il-fortifikazzjonijiet u swar imxerrdin ma’ pajjiżna. Dan il-proġett, għalhekk, għandu importanza kbira għax jibgħat messaġġ ċar ta' kemm hi kbira l-għożża u l-apprezzament ta' dan il-wirt storiku li jagħti lill-Malta dimensjoni unika.
Iċ-Ċentru li qed ninawguraw huwa parti minn proġett aktar wiesa’ ta' investiment fis-swar. Nemmnu li dan huwa patrimonju uniku u huwa d-dmir tagħna li nirristawrawh. Illum, min idur mal-Belt, l-Imdina, il-Birgu u ċ-Ċittadella f'Għawdex jara mijiet ta' ħaddiema jaħdmu fuq is-swar.
Qed nagħtu futur lill-passat tagħna.
Sinjuri,
Industrija ewlenija ta’ pajjiżna, it-turiżmu, tiddependi mill-wirt storiku u kulturali. Pajjiżna jista’ jkompli jattira aktar turisti jekk nesponu aktar dan il-patrimonju uniku. Għalina l-wirt storiku hu wkoll forza ekonomika li għandha potenzjal li tkompli tikber fis-snin li ġejjin. Tul dawn l-aħħar ħames snin, pajjiżna rnexxielu jikseb erba’ snin rekords fit-turiżmu. Kif nafu tajjeb, mit-turiżmu jiekol kulħadd u n-nefqa ta’ aktar minn 1.3 biljun ewro fl-2012 kompla jsostni l-ekonomija tagħna. Grazzi għal dan, l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’rata aktar mgħaġġla mill-medja ewropea u hekk biss stajna noħolqu aktar minn 20,000 post tax-xogħol.
Għalhekk l-impenn tal-Gvern favur il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Il-proġett tar-restawr tas-swar huwa biss proġett wieħed minn programm sħiħ ta’ aktar minn ħamsa u sebgħin miljun ta’ investiment fil-patrimonju storiku. Fost il-proġetti nsibu t-tined protettivi u ċ-ċentru għall-viżitaturi f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra, ir-restawr fit-Tempji tal-Ġgantija u ta’ Ħal Tarxien kif ukoll fuq il-Katakombi ta’ San Pawl. Beda wkoll ir-restawr tal-Forti Sant’Anġlu u Sant’Iermu. Se jinbeda wkoll il-proġett ta’ ċentru għall-viżitaturi ġewwa ċ-Ċittadella.
Dawn minbarra l-katina sħiħa ta’ proġetti li għamilna fil-Belt Valletta, ibda mir-restawr ta’ numru ta’ faċċati ta’ bereġ u palazzi sal-lift, mill-proġett tal-breakwater sal-pavimentar ta’ toroq, mill-investiment fi Pjazza San Ġorġ sal-proġett ta’ bieb il-Belt. Dawn huma kollha proġetti li juru b’mod konkret kemm il-belt Valletta tistħoqq attenzjoni msarrfa f’inizjattivi li mhux biss jidhru imma li jibqgħu. Dan kollu, jikseb rilevanza ġdida hekk kif il-belt se tkun magħrufa fl-2018 bħala belt kapitali Ewropea tal-kultura.
Proġetti li mhux biss se jtejbu l-prodott li joffri pajjiżna bħala proposta kulturali lid-dinja imma huma wkoll proġetti li qed joħolqu mijiet ta’ postijiet tax-xogħol u nistgħu ngħidu li ħloqna industrija ġdida tar-restawr f’pajjiżna b’tagħlim speċjalizzat u kumpaniji privati joffri s-servizzi tagħhom.
Dawn il-proġetti huma wkoll frott ta’ deċiżjoni għaqlija li ħadna bħala pajjiż bi sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-proġetti ta’ restawr u riġenerazzjoni kulturali, jingħaqdu mal-benefiċċji kollha l-oħra tal-fondi Ewropej li qed jagħmlu tant differenza fil-ħajja tagħna lkoll mit-toroq, sal-investiment fis-saħħa, fl-isptarijiet u fl-edukazzjoni u taħriġ permezz ta' scholarships u apparat ġdid għall-istudenti tagħna. Dawn il-fondi u l-benefiċċji li ksibna huma frott tal-viżjoni u tal-ħidma tal-Gvern.
Intom ilkoll li qed taraw it-tibdil li ġabu magħhom dawn il-fondi tapprezzaw l-importanza u l-ħidma bla waqfien tal-Gvern biex ksibna elf, mija u tmienja u għoxrin miljun ewro għas-seba’ snin li ġejjin. Kienu negozjati ibsien però rnexxielna nakkwistaw pakkett ta' fondi li se jkomplu jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Issa rridu naħdmu bil-għaqal dwar kif se ninvestu dawn il-fondi f’pajjiżna biex noħolqu aktar impjiegi, ninvestu aktar fis-saħħa u fl-edukazzjoni, ngħinu bi skemi setturi differenti fosthom sidien ta’ negozji żgħar u medji, bdiewa, raħħala u sajjieda, inkomplu ntejbu l-infrastruttura u l-ambjent ta’ pajjiżna, u ninvestu f’Għawdex. L-Unjoni Ewropea ma tagħtikx il-fondi u tonfoqhom kif trid, imma hemm proċess li jrid isir. Proċess li jitlob ħila u għaqal għaliex inkella pajjiżna jissogra li jitlef il-fondi li ġibna b’negozjati iebsa.
Sinjuri,
Is-swar jirrakkuntaw storja ta’ qlubija u huma mera tal-kapaċità ta’ missirijietna.
Għalhekk jien ċert li dan hu proġett li jsib l-apprezzament tagħna lkoll għax jesponi b’mod uniku u b’mod interattiv dan il-wirt storiku tas-swar ta’ pajjiżna.
Dan iċ-ċentru kif ukoll il-proġetti kollha li qegħdin ninvestu fihom huma parti mill-programm tal-Gvern immexxi minni sabiex nagħmlu kulma nistgħu biex nagħrfu dejjem aktar aħna min aħna.
Aħna nibqgħu nazzjon b’identità u poplu kburi bi ġrajjietu u ħidmietu kif jixhdu is-swar ta’ pajjiżna.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en