INAWGURAT THE FORTRESS BUILDERS, ĊENTRU GĦALL-INTERPRETAZZJONI TAL-FORTIFIKAZZJONIJIET
Open Day għada l-Ħadd 17 ta’ Frar
Ilejla l-Prim Ministru Lawrence Gonzi inawgura The Fortress Builders, l-ewwel ċentru għall-interpretazzjoni tal-fortifikazzjonijiet f’pajjiżna. Dan ix-xogħol sar mid-Direttorat tar-Restawr, fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali taħt it-tmexxija tal-Ministru George Pullicino.
Il-binja magħżula sabiex fiha jsir dan iċ-Ċentru għall-Interpretazzjoni tal-Fortifikazzjonijiet tmur lura għas-seklu 16 u tinsab ħdejn it-taraġ magħrufa bħala ta’ Biagio li jgħaqqad lil Triq San Mark ma Triq Melita fil-Belt Valletta. L-għan ta’ dan iċ-ċentru mhux biss biex juri x’patrimonju għandu pajjiżna iżda sabiex b’mod interattiv, jeduka u jgħallimna aktar dwar l-istorja u l-importanza tal-fortifikazzjonijiet. Dan se jseħħ billi ċ-ċentru hu mgħammar ukoll b’teatru audio-viżiv, librerija, kif ukoll spazju għal workshops flimkien ma’ numru ta’ mudelli statiċi ta’ fortifikazzjonijiet kif ukoll numru ta’ esebizzjonijiet interattivi bl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni.
Għalhekk dan iċ-ċentru jmur lilhinn milli jiglorifika s-swar bħala bini li serva għal perijodu ta’ gwerrer u ġlied, iżda jesebixxi s-swar bħala bini kreattiv u juri wkoll l-inġinerija u l-arkitettura inġenjuża ta’ dan il-bini. Dan iċ-ċentru informattiv dwar il-fortifikazzjonijiet qed iseħħ b’investiment aktar minn €2 miljun, b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea ta’ 85%.
Fl-okkażjoni tal-ftuħ taċ-Ċentru għall-Interpretazzjoni tal-Fortifikazzjonijiet nġiebu f’Malta d-disinji oriġinali tal-fortifikazzjonijiet tal-Belt Valletta mil-pinna tal-arkitett u inġinier militari Francesco Laparelli li kien intbagħad mill-Papa Piju V, biex jgħin lil Gran Mastru De Vallette jiddisinja u jibni l-Belt il-ġdida ta’ Malta. Dawn id-disinji oriġinali jmorru lura lejn l-aħħar tas-sena 1565.
Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jara dawn id-disinji ta’ Laparelli flimkien mal-kumplament taċ-ċentru, waqt Open Day li ser titella’ għada l-Ħadd 17 ta’ Frar mill-10am sas-7pm. Iċ-ċentru mit-Tnejn li ġej se jkun miftuħ għall-pubbliku bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mill-10am sat-3.30pm. Id-dħul huwa b’xejn.
Il-pjanti tal-arkitett Laparelli se jibqgħu għall-wiri f’pajjiżna sas-17 ta’ Mejju 2013, fejn wara jerġgħu jittieħdu lejn Cortona fl-Italja fejn jinsabu esebiti b’mod permanenti fil-mużew ta’ Cortona fl-Italja, il-Belt li fiha trabba u għex Francesco Laparelli.
Matul il-ġimgħa d-dieħla wkoll se jsiru numru ta’ taħdidiet b’temi differenti ġewwa ċ-ċentru fejn il-Publiku jista’ jattendi. Biex wieħed jirreġistra l-attentendenza tiegħu għandu jibgħat email fuq fic.mrra@gov.mt jew iċempel fuq 21228591/3. Id-Dħul għat-taħdidiet huma bla ħlas.
It-Tnejn 18 ta’ Frar
5.30 pm: L-użu tal-injam fil-binjiet ta' difiża militari: ħarsa dwar pont li jintrefa' kkonservat minn Josef Aquilina
It-Tlieta 19 ta’ Frar
5.30 pm: Il-Castello ta’ Għawdex – ħarsa ġenerali lejn l-għan difensiv u l-binja tiegħu minn Godwin Vella
L-Erbgħa 20 ta’ Frar
4.30 pm: Il-Forti ta’ Tigné - lunette d’Arçon minn Stephen C. Spiteri
5.30 pm: L-Iskavar tal-Belt Valletta minn Edward Said
Il-Ħamis 21 ta’ Frar
5.30 pm: Il-Forti Sant’ Angelo u r-restawr tiegħu minn Matthew Balzan
Il-Ġimgħa 22 ta’ Frar
4.30 pm: L-Imħażen tal-Porvli tal-Kavallieri minn Stephen C. Spiteri
5.30 pm: Il-Kontribut tal-Inġiniera Rjali lill-arkitettura u l-infrastruttura ta’ Malta minn Robert Vella
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en