JINBEDA X-XOGĦOL FUQ IR-REPLIKA TAL-ARK TA' WIGNACOURT
Wara 70 sena li tkisser mill-Militar Ingliż, issa li nġiebu l-permessi mill-MEPA, se jinbeda x-xogħol biex tinbena replika tal-Ark ta' Wignacourt. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech, mill-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino u mill-Kap Ezekuttiv tal-Bank of Valletta Charles Borg.
Il-Minisru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino qal li l-ark se sservi ta’ monument lill-Gran Mastru Alof de Wignacourt li xpruna u ħallas biex jinbena l-Akwedott u jitwassal l-ilma mir-Rabat ghal Belt Valletta fl-1615. L-Ark jagħti ġieħ wkoll lil Bontadini de Bontadini l-inginier tal-proġett u is-600 Malti li ħadmu fuq l-10 mili ta' l-akwedott għal 5 snin sħaħ. Proġett li biddel il-qafas soċjali u kummerċjali ta' pajjizna.
Il-Ministru Pullicino qal li bil-bini mill-ġdid ta’ dan l-ark se nkunu kompjena l-proġett tar-restawr li sar fuq il-mixja tal-ilma fi żmien l-ordni ta’ San Ġwann mir-Rabat sal-Belt. “Bdejna billi rrestawrajna l-funtana tas-Saqajja fir-Rabat minn fejn kien jibda l-ilma u ftit tas-snin ilu kien sar ir-restawr tal-akwadott. Dawn il-proġetti żgħar fil-qalba tal-komunità huma mportanti għax ikomplu jagħtu sens ta’ identità liz-zona.” Il-Ministru Pullicino fakkar kif f’din il-leġiżlatura flimkien mal-akbar proġett ta’ restawr tas-Swar saru 60 proġett ta’ restawr fl-irħula u l-ibliet fosthom 15-il kapella u 30 proġett ta’ restawr fil-Belt Valletta.
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech qal li din “hija aħbar tajba mhux biss lir-residenti ta’ dawn l-inħawi, iżda għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-kultura u l-istorja Maltija. Dan se jsir b’investiment ta’ 280,000 ewro, finanzjati mill-Bank of Valletta u mill-Gvern, inkluż permess tal-Fond għall-Kawzi Gusti. “Din hija xhieda tal-impenn b’saħħtu tal-Gvern favur it-tisħiħ tal-wirt storiku ta’ pajjiżna”. Huwa żieda jgħid li l-aħħar 5 snin rajna investiment bla preċedent, fil-wirt ta’ pajjiżna. Lista li ma tispiċċa qatt, li tibda minn proġetti viżibbli fuq skala akbar, bħal proġett tas-swar tal-Belt, ir-restawr ta’ diversi fortifikazzjonijiet, iżda anke numru ta’ proġetti iżgħar, u lokali, li pero jkomplu jsebbħu d-dehra tal-lokalitajiet tagħna barra li jagħmlu minn pajjiżna dejjem aktar attraenti għall-barranin li jżuruna. Din l-arkata tinsab proprju f’punt importanti fuq ir-rotot għal diversi direzzjonijiet f’Malta u għalhekk se tkompli ssaħħaħ ir-rikkezza ta’ pajjiżna. Qrib ta’ din iż-żona umru ta’ proġetti li sebbħu ż-żoni tal-madwar, fosthom il-ġnien tal-istazzjon ta’ Birkirkara, tisbiħ tal-ħitan tas-sejjieħ fl-Iklin, l-Akwedott u tisbiħ ta’ numru ta’ kappelli fil-madwar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Charles Borg qal: “Il-Bank huwa kburi li qed ikun assoċjat ma’ riżultat li se jsebbaħ iż-żona li jopera minnu. Aħna napprezzaw is-simboliżmu ta’ din l-ark li kienet parti mill-akwedott, li ppermetta lill-popolazzjoni tal-Belt Valletta biex tiffjorixxi permezz tal-provvista tal-ilma. Bl-istess mod, il-Bank jgħin lill-konsumaturi tagħna jiffjorixxu billi jipprovdilhom il-mezzi biex iwettqu l-ħolm tagħhom, kemm jekk personali jew għan-negozju.
Il-Bank jemmen li għandu jaħdem mill-qrib mal-komunità fuq kull livell – għaliex huma n-nies li jiffurmaw il-komunità li hija l-pedament tal-Bank. Kull kumpaniji ewlenija għandha impatt fuq iż-żona ta’ madwarha u aħna nemmnu li r-responsabbiltà korporattiva soċjali tagħna hi li nnaqqsu dak l-impatt kemm jista’ jkun, u li npattu għalih permezz ta’ proġetti pożittivi bħal dan."
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en