KOLLABORAZZJONI LI TAT FROTT B’RISQ IS-SETTUR TURISTIKU F’GĦAWDEX
‘Is-sostenn li ta l-Ministeru għal Għawdex lill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex matul dawn l-aħħar snin, ta r-riżultati li finalment issarfu fit-tisħiħ tas-settur turistiku f’Għawdex’. Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex, Giovanna Debono, meta dalgħodu indirizzat il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex (GTA).
Il-Ministru Debono fissret kif matul dawn is-snin saru diversi inizjattivi li permezz tagħhom Għawdex ġie stabilit bħala destinazzjoni li għandha karatteristiċi partikolari li jkomplu jsaħħu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna. It-tisħiħ fil-qasam tad-diving wassal ukoll biex Għawdex huwa destinazzjoni mfittxija f’dan il-qasam importanti li rriżulta wkoll fl-estensjoni tal-istaġun tas-sajf. Id-diversi proġetti infrastrutturali u t-twettieq tal-pjan ta’ azzjoni ekoGħawdex ukoll qed jagħtu sehem pożittiv fit-tisħiħ tal-prodott turistiku Għawdxi u finalment jirriżultaw fit-tisħiħ tal-operat tas-settur.
Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif l-allokazzjoni ta’ nofs miljun ewro fis-sena saħħet il-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex fir-reklamar ta’ Għawdex f’niċeċ speċifiċi li jinkludu wkoll il-qasam tal-cruiseliners. Il-kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru għat-Turiżmu, Kultura u Ambjent u entitajiet oħra bħal ma huma l-GTA, l-MTA rriżultaw ukoll fit-tisħiħ ta’ Għawdex bħala destinazzjoni rurali.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għat-Turiżmu, Kultura u Ambjent, Mario de Marco. Hu qal li fl-aħħar snin il-Gvern wettaq politika għaqlija għas-settur turistiku bbażata fuq investiment fil-prodott, fl-aċċessibilità u fil-promozzjoni effettiva li waslet biex fl-aħħar ħames snin pajjiżna kellu erba’ snin rekord. Mario de Marco qal li l-gżira Għawdxija qed tiġi wkoll reklamata bħala destinazzjoni distinta minħabba l-ambjent u l-prodott uniku tagħha. Fil-fatt, tenna Mario de Marco, l-MTA tinvesti fi promozzjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta minn Malta u dan minbarra l-investiment li jsir għall-promozzjoni ta’ Malta u Għawdex flimkien.
Il-Ministru de Marco fakkar ukoll li l-Politika tat-Turiżmu (2012-2016) tirrikonoxxi l-potenzjal turistiku ta’ Għawdex u tipproponi sezzjoni speċifika u estensiva fuq Għawdex għaliex il-Gvern jgħarraf li din il-gżira jixraqilha inizjattivi li jiffukaw fuq l-elementi uniċi tagħha. Il-Ministru de Marco qal li l-Gvern hu impenjat li jwettaq il-proposti fil-Politika tat-Turiżmu li toffri d-direzzjoni għas-settur turistiku għas-snin li ġejjin u dan sabiex pajjiżna jkompli jibni fuq ir-riżultati pożittivi fl-aħħar snin u b’hekk tkompli tisaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna, ikompli jinħoloq ix-xogħol għall-Maltin u l-Għawdxin u tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Matul din il-konferenza s-Sur Paul Scicluna, President u s-Sur Joe Muscat, Kap Eżekuttiv tal-GTA taw rendikont tal-ħidma li saret mill-Assoċjazzjoni matul is-sena li għaddiet filwaqt li taw ħarsa lejn dak li hemm maħsub li jsir matul is-sena li ġejja. Fost l-ewwel inizjattivi ser ikun miftuħ il-booking portal fuq is-sit elettroniku tal-GTA www.islandofgozo.org. Dan ser iżid l-għodda biex dawk li jżuru dan is-sit ikunu jistgħu jibbukkjaw is-servizzi meħtieġa matul il-btala tagħhom f’Għawdex. Ġie ikkonfermat ukoll il-Kunsill li ser imexxi l-GTA matul is-sena li ġejja.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en