STQARRIJA MIS-SEGRETARJU PERMANENTI FIL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL
Persuni li fil-jiem li għaddew irċivew ħlasijiet għal xogħol ta’ superviżjoni li għamlu fl-iskejjel tal-istat u kien fihom xi nuqqasijiet, se jirċievu l-bilanċ dovut lilhom sa nhar it-Tlieta li ġej.
B’riferenza għal konferenza tal-aħbarijiet li għamlet dal-għodu l-Unjon tal-Għalliema fejn intqal li 40% ta’ dawk li kienu qed jistennew ħlasijiet ta’ superviżjoni li għamlu fix-xhur li għaddew, irċivew ħlasijiet bin-nieqes, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li fil-jiem li għaddew, id-Direttur Ġenerali għas-Servizzi ta’ Appoġġ fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, kellu kuntatti kontinwi mal-MUT dwar din il-kwestjoni.
It-talbiet kollha li waslu lill-imsemmi Direttorat mill-iskejjel dwar dawn il-ħlasijiet kienu proċessati u sal-11 ta’ dan ix-xahar il-ħlasijiet dovuti, saru. Kull ilment li sar dwar dawn il-ħlasijiet kienu verifikati u fejn instab li kien hemm żball inħareġ il-ħlas dovut fi żmien 24 siegħa.
Illum stess, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tkellem bit-telefon mal-President tal-MUT biex jara xi żbalji kien għad hemm u talbu biex jiltaqgħu dal-għodu stess fil-11.00 a.m. biex jaraw x’differenzi kien għad hemm iżda l-MUT ħasset li ma kienx hemm lok ta’ laqgħa għax il-kwestjoni kienet waħda sempliċi ta’ matematika.
Kien biss dalgħodu li l-MUT bagħtet lid-Direttur Ġenerali għas-Servizzi ta’ Appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni lista ta’ 35 ilment minn skola li minnhom 9 biss kienu ġustifikati u d-differenzi se jitħallsu sa għada stess.
Aktar tard l-MUT bagħtet seba’ listi oħra lid-Direttorat li qed jiġu verifikati u fil-fatt numru sostanzjali minnhom mhux ġustifikati. Fil-każi l-oħra fejn kien hemm nuqqasijiet, dawn jitħallsu sa nhar it-Tlieta li ġej.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en