Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TAL-QAFAS TAL-KURRIKULU NAZZJONALI – PEMBROKE – IL-ĦAMIS, 14 TA’ FRAR 2013

pr0232
Date Icon 14/02/2013

Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali li qed inniedu llum huwa dokument li jħares lejn il-viżjoni li għandna bżonn biex pajjiżna jkompli jkattar is-suċċessi tiegħu fis-seklu 21. B’mod konkret, dan id-dokument jistħarreġ kif din il-viżjoni tista’ titwettaq fl-iskejjel tagħna fil-kuntest soċjo-kulturali Malti.

Fiċ-ċentru ta’ dan il-qafas poġġejna lill-istudent u ħloqna qafas flessibbli li jkun jista’ jindirizza l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta’ kull student. Dan il-Kurrikulu jrid jassigura li sakemm jiġu  biex itemmu l-edukazzjoni obbligatorja l-istudenti Maltin u Għawdxin ikunu akkwistaw l-għerf, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-valuri meħtieġa biex iħarsu lejn it-tagħlim tul il-ħajja bħala ħaġa waħda mal-iżvilupp personali tagħhom bħala individwi u ċittadini. Nixtiequ li dan il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali jiġbed aktar studenti lejn it-tagħlim tul il-ħajja billi jinkuraġġihom ikomplu bil-mixja edukattiva tagħhom f’livell ogħla ta’ edukazzjoni, mixja li tissarraf fi kwalifiki formali ġodda u ta’ valur akbar.

Dan id-dokument iwassal messaġġi ċari dwar l-ambizzjonijiet li għandna għal pajjiżna u għal uliedna. Dan il-qafas jindika lill-għalliema l-proċessi ta’ tagħlim u assessjar li jwasslu għal qabża oħra fil-kwalità tat-tagħlim u tal-kompetenzi ta’ uliedna. Juri l-bilanċ dinamiku bejn id-deċentraliżazzjoni mibnija fuq ir-rispett lejn il-professjonalità tal-għalliema fit-tlett setturi tal-iskejjel, u l-kontabilità tal-professjoni biex jitwettqu l-miri li poġġejna għal pajjiżna.

Fi żmien meta l-Ewropa ħierġa minn kriżi ekonomika li laqtet id-dinja kollha u fil-kuntest tal-bidliet demografiċi u l-koeżjoni soċjali, il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali jrid jassigura li l-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jiksbu l-ħiliet li jgħinuhom tul il-ħajja, jassiguraw l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u jsaħħu l-pedamenti ta’ soċjeta’ bbażata fuq l-għerf u l-ġustizzja soċjali.

Dan il-qafas inkiteb minn esperti mill-oqsma diversi tal-edukazzjoni f’pajjiżna. Imma f’sens ieħor dan id-dokument huwa r-riżultat ta’ snin twal ta’ ħsieb, riċerka u esperjenza, sa minn meta sar l-Att tal-Edukazzjoni fl-1988, li daħħal il-kunċett għall-ewwel darba li l-pajjiż għandu jkollu Kurrikulu Minimu Nazzjonali li jiggarantixxi li t-tfal kollha jkollhom livell bażiku ta’ tagħlim. Minn dakinhar, 25 sena ilu, għaddejna minn mumenti importanti fl-istorja tal-ħsieb u l-prattika tal-edukazzjoni f’pajjiżna.

Il-proċess ta’ reviżjoni u tisħiħ tal-ewwel Kurrikulu nistgħu ngħidu li nbeda formalment fl-1995 bil-pubblikazzjoni ta’ Tomorrow’s Schools: Developing Effective Learning Cultures. U tkompla bil-pubblikazzjoni tan-National Minimum Curriculum (l-NMC) fl-1999.

Fl-emendi għall-Att dwar l-Edukazzjoni tal-2006 kien enfasiżżat li t-tfassil, l-immaniġġjar u l-implimentazzjoni tal-kurrikulu issa huwa r-responsabbilta’ tad-Direttorat tal-Kwalita’ u l-Istandards fl-Edukazzjoni.

Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li tul dawn is-snin ħadmu biex illum wasalna hawn: il-Ministri kollegi tiegħi; l-edukaturi, il-kumitati u l-esperti kollha li ħadmu fuq id-diversi dokumenti matul is-snin u fl-aħħar u żgur mhux l-inqas, nirringrazzja lill-kapijiet u l-għalliema tal-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti, li urew fejn kien hemm bżonn iktar żvilupp fil-ħsieb u fil-prattika.

Naturalment il-qafas li llum qed nippreżentaw lill-iskejjel hemm bżonn li jirrifletti il-ħtiġijiet, l-isfidi, l-opportunitajiet u r-realtajiet kurrenti, iżda jrid ukoll joħloq spazju lill-edukaturi tal-ġejjieni biex jadattaw il-kurrikulu għall-isfidi kontemporanji tagħhom, fi proċess kontinwu ta’ riflessjoni. Dan il-qafas mhux iħares biss lejn aġġornament u tisħiħ tal-kurrikulu u l-mod tat-tagħlim attwali imma qed iħares lejn investiment f’għodod u programmi teknoloġiċi mill-aktar moderni biex niżguraw li l-miri tagħna jintlaħqu.

B’mod konkret, dan il-qafas nazzjonali tal-kurrikulu jenfasizza dawn il-punti:

1. Il-bilanċ bejn il-potenzjal personali tal-istudenti, l-opportunitajiet varji fid-dinja tax-xogħol u l-iżvilupp tagħhom bħala ċittadini attivi.

2. L-iżvilupp ħolistiku u mingħajr skossi tal-istudenti, żvilupp li jiġbor fih l-oqsma kollha (akkademiċi, soċjali, emozzjonali u spiritwali).

3. Dan il-qafas jagħti valur kbir lis-snin bikrin f’qafas ta’ tagħlim tul il-ħajja kollha.

4. Jiffissa wkoll il-ħiliet ewlenin (il-key competences) għall-istudenti kollha li jorbtu l-oqsma tat-tagħlim u t-temi inter- kurrikulari. Hawnhekk rajna tibdil fl-oqsma ta’ tagħlim u anke fit-temi inter-kurrikulari wara l-feedback li waslilna. Naraw li l-litteriżmu (literacy) qed tingħata enfasi kbira bħala tema interkurrikulari ġdida u għalhekk huwa r-responsabbilita’ tal-għalliema kollha u mhux biss ta’ min jgħallem il-lingwi, kemm matul is-snin tal-Primarja u kif ukoll fis-Sekondarja. Tema inter-kurrikulari ohra hija l-literizzmu digitali (digital literacy) li permezz tagħha nassiguraw li l-istudenti tagħna jkollhom  il-ħiliet u kompetenzi diġitali li għandhom bżonn fil-ħajja ta’ llum.

5. Aspetti importanti ħafna f’dan il-qafas huma l-kunċetti ta’ flessibilta’ u deċentraliżazzjoni, fejn l-iskejjel huma mħeġġa jagħmlu ċerti deċiżjonijiet skont il-bżonnijiet tal-istudenti u l-ethos tal-iskola.

6. Dan il-qafas huwa mibni fuq il-mudell tal-outcomes għat-tlett ċikli kif spjegaw il-membri tal-kumitat fil-videos li rajna.

7. Il-kunċett ta’ qafas ta’ learning outcomes (il-learning outcomes framework) li għandu jiġi żviluppat u aċċettat mill-imsieħba kollha, hu l-pass li jmiss f’dan il-proċess edukattiv.

8. Dan il-qafas jisħaq ukoll fuq is-sapport għall-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu u l-importanza tar-rabta maċ-ċiklu edukattiv post-sekondarju.

9. Se jitwaqqaf Bord ta’ Implimentazzjoni tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali kif ukoll l-istrutturi li se jorbtu l-Kurrikulu mal-Bord tal-MATSEC biex tiżdied is-sinerġija bejn il-programmi ta’ tagħlim fl-iskejjel u l-istandards tal-eżamijiet tas-SEC. Din ir-rabta tiżgura li dak li jinkiseb fl-edukazzjoni obbligatorja, jitkompla fil-livell post-sekondarju bi tħejjija għal edukazzjoni ogħla.

Waħda mil-lezzjonijiet importanti li tgħallimna matul is-snin hi li biex l-imsieħba kollha jkunu tassew involuti fit-tħaddim tal-proposti edukattivi, irid ikun hemm proċess ġenwin u komprensiv ta’ konsultazzjoni. Il-kontribut ta’ kulħadd fil-proċess ta’ konsultazzjoni li għamilna fuq medda ta’ tmien xhur, wassal biex il-qafas tal-kurriklu jkun sod biżżejjed biex madwaru nsawru l-edukazzjoni ta’ pajjiżna għas-snin li gejjin.

Dan il-Qafas tal-Kurrikulu jrid iwassal biex jiżdiedu n-numri ta’ studenti bi kwalifiki li jkomplu bl-istudju jew it-taħriġ tagħhom wara s-snin obbligatorji. Irridu li kull sena nżidu n-numru ta’ dawk li jkomplu jistudjaw għal degree. U rridu wkoll li sas-sena 2025 dawk li ma jkomplux jistudjaw jinżlu għal 10% filwaqt li dawk li jkomplu bl-edukazzjoni ogħla jitilgħu għal aktar minn 40%.

Nafu li l-edukazzjoni hi għal qalb il-poplu Malti u Għawdxi kollu u għalhekk nemmnu li dawn il-miri jistgħu jintlaħqu.  Ilkoll irridu soċjeta’ mibnija fuq l-għerf b’numru dejjem akbar ta’ nies gradwati, mħarrġa u preparati biex jaħtfu l-opportunitajiet li jistgħu jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħna u ta’ pajjiżna.

Qabel nagħlaq nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex illum għandna f’idejna dan il-qafas nazzjonali tal-kurrikulu.  Grazzi lill-membri taż-żewġ gruppi li ħadmu fuqu u b’mod partikolari lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, Dr. James Calleja u lid-Direttur Ġenerali l-Prof. Grace Grima li mexxew dawn il-gruppi. Grazzi wkoll lill-Malta Union of Teachers li mhux biss ipparteċipat fil-preparazzjoni ta’ dan il-kurrikulu imma wkoll qed timpenja ruħha f’isem l-għalliema, biex flimkien magħna u ma l-istakeholders kollha, naħdmu flimkien biex nassiguraw is-suċċess tiegħu.

Il-Ministru Cristina temmet tgħid li xtaqet li f’din it-tnedija kienu preżenti wkoll ir-rappreżentanti tal-għalliema li kienu mistiedna u li ħadmu fuq dan id-dokument, iżda tirrispetta l-għażla tagħhom li ddeċidew li ma jkunux preżenti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow