Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, GĦAL WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-KWARTIERI L-ĠODDA TAL-ISKWADRA MARITTIMA TAL-FORZI ARMATI U TAL-IKKUMMISSJUNAR TA' TLIET RIGID HULL INFLATABLE BOATS, SKWADRA MARITTIMA, HAY WHARF, IL-ĦAMIS 14 TA’ FRAR 2013

pr0227
Date Icon 14/02/2013

Kap Kmandant, Mistiedna distinti, Suldati, Sinjuri,

Huwa b'sens ta' kburija u umiltà li qiegħed hawn magħkom dalgħodu.

Kburija u umiltà lejkom is-suldati tal-iskwadra marittima. Suldati li tagħmluna kburin b'ħidmietkom.

Tirrispondu kull meta trid issir evakwazzjoni medika.

Tirrispondu kull meta tinqala’ emerġenza fuq il-baħar.

Tirrispondu kull meta l-pajjiż jintlaqat minn traġedja umana.

Tirrispondu kontra t-traffikar tad-droga u l-kuntrabandu.

Tirrispondu lejl u nhar, sajf u xitwa, bnazzi u maltemp.

Tirrispondu għal kull sejħa u ssalvaw il-ħajja tan-nies u anke tpoġġu tagħkom stess f'riskju.

L-impenn tagħkom f'kull salvataġġ hu magħruf u dan ġie rikonoxxut fl-2008 permezz tal-għoti tal-medalja għall-Qadi tar-Repubblika li għall-ewwel darba kienet ingħatat lill-grupp ta' nies.

Il-poplu japprezza l-ħidma tagħkom bla waqfien u fis-skiet li tagħmlu.

Konxju tar-rwol importanti tagħkom għal stat marittimu bħal Malta kif ukoll bħala fruntiera Ewropea, il-Gvern irrisponda għall-ħtiġiet ta' din l-iskwadra marittima kif ukoll għall-Forzi Armati ta’ pajjiżna.

Irrispondejna permezz ta' programm ta' investiment qawwi fil-Forzi Armati ta' pajjiżna. Stajna nirrispondu għall-ħtiġiet tagħkom għax membri tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt il-Gvern għamel programm ta' investiment b'fondi mill-Unjoni Ewropea fil-Forzi Armati ta' Malta li jaqbeż is-60 miljun ewro bi kwart minnhom jiġu investiti fl-iskwadra marittima. Tul dawn il-ħames snin investejna f'erba’ patrol boats ġodda b'investiment li jaqbeż id-disa’ miljun ewro kif ukoll dawn it-tliet rigid hull inflatable boats.

Il-Forzi Armati ta' Malta rat b'mod tanġibbli il-benefiċċju ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea. Mill-ajruplani l-ġodda sal-hangar il-ġdid li inawgurajna tard is-sena li għaddiet sal-opri tal-baħar il-ġodda li inawgurajna f’din l-iskwadra. Investejna wkoll f'sistemi ġodda ta' komunikazzjoni u f'apparat ieħor meħtieġ minn Armata professjonali u moderna. Rajtu kif dawn il-fondi għamlu differenza fil-ħajja u fix-xogħol tas-suldati tagħna. Dawn jingħaqdu mal-benefiċċji kollha l-oħra tal-fondi Ewropej li qed jagħmlu tant differenza fil-ħajja tagħna lkoll mit-toroq, sal-investiment fis-saħħa, fl-isptarijiet u fl-edukazzjoni u taħriġ permezz ta' scholarships u apparat ġdid għall-istudenti tagħna. Dawn il-fondi u l-benefiċċji li ksibna huma frott tal-viżjoni u tal-ħidma tal-Gvern.

Intom ilkoll li qed taraw it-tibdil li ġabu magħhom dawn il-fondi tapprezzaw l-importanza u l-ħidma bla waqfien tal-Gvern immexxi minni biex ksibna elf, mija u tmienja u għoxrin miljun ewro għas-seba’ snin li ġejjin. Kienu negozjati ibsin però rnexxielna nakkwistaw pakkett ta' fondi li se jkomplu jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Issa rridu naħdmu bil-għaqal dwar kif se ninvestu dawn il-fondi f’pajjiżna biex noħolqu aktar impjiegi, ninvestu aktar fis-saħħa u fl-edukazzjoni, ngħinu bi skemi setturi differenti fosthom sidien ta’ negozji żgħar u medji, bdiewa, raħħala u sajjieda, inkomplu ntejbu l-infrastruttura u l-ambjent ta’ pajjiżna, u ninvestu f’Għawdex. L-Unjoni Ewropea ma tagħtikx il-fondi u tonfoqhom kif trid, imma hemm proċess li jrid isir. Proċess li jitlob ħila u għaqal għaliex inkella pajjiżna jissogra li jitlef il-fondi.

Aħna kommessi li nkomplu ninvestu fikom kif għamilna u kif qegħdin nagħmlu. Fix-xhur li ġejjin il-flotta tal-Forzi Armati ta' Malta se tissaħħaħ permezz ta' helicopter ġdid b'investiment ta' 18-il miljun ewro. Hekk kif tlesta dan il-blokk il-ġdid tal-iskwadra marittima se jinbeda proġett ieħor ta' investiment fl-infrastruttura marittima tal-iskwadra. Il-Gvern kommess li jkompli jinvesti aktar hekk kif huwa ppjanat li jinxtara helicopter ieħor kif ukoll li jsir investiment fil-faċilitajiet tar-Rapid Deployment Team f’Hay Wharf.

Il-viżjoni tal-Gvern għall-Forzi Armati ta' Malta hi ċara.

Irridu nkomplu ninvestu fil-professjonalità tal-Armata tagħna mhux biss fl-apparat imma ukoll fit-taħriġ tas-suldati tagħna. It-taħriġ tal-membri tal-Forzi Armati jiggarantixxi s-suċċess tal-operazzjonijiet f'kull fergħa tagħha mhux anqas dik marittima mill-ekwipaġġ, sat-tekniċi u sar-rescuers. Hawn ukoll il-Gvern u l-Forzi Armati ta' Malta qegħdin jinvestu fit-taħriġ kemm lokali u kemm barra minn Malta. Ninnota b'sodisfazzjon it-twaqqif u t-tisħiħ tal-Maritime Safety and Security Training Centre li dan il-blokk il-ġdid jilqa’ u li qiegħed isir ċentru reġjonali ta' taħriġ marittimu.

Sinjuri,

Qegħdin niċċelebraw investimenti ġodda f'katina sħiħa ta' investiment li għamilna tul dawn l-aħħar ħames snin b'mod speċjali fl-Iskwadra Marittima.

Malta kburija u rikonoxxenti lejkom il-membri tal-iskwadra marittima u tal-Forzi Armati ta' Malta.


Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow