STQARRIJA TAL-GVERN
Il-Gvern iħabbar li l-President ta’ Malta, fuq rakkomandazzjoni tal-Kabinett, ħareġ proklama lis-Sur George Farrugia b’rabta mal-investigazzjonijiet li qed isiru mill-Pulizija dwar xiri ta’ fuel. Il-Kabinett laqa’ l-parir tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali wara li s-Sur Farrugia informa lill-Kummissarju tal-Pulizija li huwa kien lest jagħti informazzjoni jekk jingħata l-maħfra.
Il-Proklama qed tingħata taħt dawn il-kundizzjonijiet:
• il-maħfra tgħodd biss għal reati marbuta mal-allegazzjonijiet dwar xiri ta’ fuel li setgħu seħħew qabel ma ngħatat il-maħfra;
• il-persuna li qed tingħata l-maħfra trid tgħid il-verità kollha u xejn inqas mill-verità fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija, f’kull Qorti u fi kwalunkwe inkjesta li tista’ ssir f’rabta max-xiri ta’ fuel;
• li l-persuna li qed tingħata l-maħfra titlef u tgħaddi lill-Gvern kull flus, propjetà u kull qliegħ ieħor mir-reati marbuta mal-allegazzjonijiet dwar xiri ta’ fuel. Għalhekk fi żmien ħamest ijiem is-Sur Farrugia jrid igħaddi akkont ta’ €250,000 lill-Gvern. Jekk eventwalment jirriżulta li kien hemm aktar qliegħ ġej mir-reati marbuta mal-allegazzjonijiet dwar xiri ta’ fuel, dan għandu jiġi mgħoddi kollu lill-Gvern.
Il-Proklama tistipola bl-aktar mod ċar li jekk is-Sur George Farrugia ma jgħidx il-verità kollha u xejn inqas mill-verità jew ma jgħaddix il-qliegħ kollu mir-reati marbuta mal-allegazzjonijiet dwar xiri ta’ fuel, il-proklama tkun awtomatikament irtirata daqs li kieku qatt ma saret.
Kopja sħiħa tal-Proklama li ġiet iffirmata llum hi mehmuża ma din l-istqarrija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en