DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, GHAL WAQT L-IFFIRMAR BEJN IL-KUNSILL MALTI GHALL-ISPORTS U L-MALTA RUGBY UNION, GHAJN DWIELI – IS-SIBT, 9 TA’ FRAR 2013
Onorevoli Ministru,
Players u ufficjali tar-rugby,
Sinjuri,
Dalghodu qeghdin flimkien nibdew niktbu kapitolu gdid fl-istorja tar-rugby u tal-isports f’pajjizna.
Qeghdin illum naghmlu l-ewwel pass sabiex iz-zghazagh u t-tfal taghna jkollhom facilità esklussiva ghal-loghob tar-rugby.
Ghalhekk huwa b’sens ta’ sodisfazzjon li qieghed hawn dalghodu maghkom.
Sodisfazzjon ghax fejn gvernijiet ewropej naqsu l-investiment fl-isports minhabba l-krizi ekonomika, il-Gvern kompla u se jkompli jinvesti fl-isports.
Irnexxielna fejn ohrajn fallew.
Irnexxielna ghax hadna d-decizjonijiet responsabbli, maturi u b’ghaqal.
Frott ta’ dawn id-decizjonijiet, illum nistghu ghalhekk inhabbru pakkett finanzjarju f’investiment iehor f’dixxiplina sportiva li tant qieghda tigbed interess ta’ tant tfal, zghazagh u kbar.
Interess mhux biss li qieghed jittraduci ruhu f’mijiet ta’ tfal u zghazagh li qeghdin jipprattikaw dan l-isport imma wkoll f’eluf ta’ dilettanti maghquda wara it-team nazzjonali tar-rugby. Niftakar car l-entuzjazmu tas-supporters Maltin kif ukoll is-sens ta’ kburija tal-players tan-nazzjonal li laghbu bih meta rajt il-loghba ta’ Malta kontra l-Litwanja f’Novembru 2012.
B’dan il-ftehim li se jigi ffirmat illum, il-Gvern qed jixhed l-impenn tieghu lejn ir-rugby f’pajjizna u wisq aktar lejn l-isports.
L-ghan tal-Gvern immexxi minni hu li ninvestu fikom il-players, fl-ghaqdiet u fit-tkattir ta’ kultura sportiva. Qeghdin ninvestu fikom, irridukom tilaghbu u titharrgu f’ambjent sikur u professjonali. Hekk jixraq lill-ghaqdiet u l-assocjazzjonijiet taghna. Hekk jixraq lil kull wiehed u wahda mill-atleti ta’ pajjizna.
Qeghdin ninvestu l-miljuni f’infrastruttura sportiva specjalment fil-komunitajiet taghna ghall-beneficcju tal-ghaqdiet lokali.
F’kull skola gdida li ftahna kull sena – f’Bormla, Pembroke, Ghawdex u l-Mosta - investejna f’facilitajiet sportivi tal-oghla kwalità li qed igawdu minnhom mhux biss l-istudenti u l-ghalliema imma anke il-komunitajiet u l-assocjazzjonijiet. B’investiment ta’ 7 miljun ewro ghall-facilitajiet sportivi, 41 ghaqda sportiva qed jaghmlu uzu mill-facilitajiet sportivi fl-iskejjel taghna.
Investejna wkoll aktar minn 3.5 miljun ewro f’kumpless sportiv gewwa Hal Kirkopu se jinbena kumpless sportiv gdid f’Tal-Handaq. Fl-istess hin komplejna bir-rinnovazzjoni tal-kumplessi sportivi fil-Kottonera u f’Tal Qroqq kif ukoll fil-padiljun tal-basketball f’Ta’ Qali. L-anqas f’Ghawdex ma naqas l-investiment. Tlesta x-xoghol fuq il-padiljun sportiv ta’ Ghawdex u qed jitlesta x-xoghol fuq il-facilitajiet sportivi tal-iskola l-gdida ta’ Ghawdex filwaqt li se jibda x-xoghol fuq il-bini ta’ pixxina gdida b’investiment ta’ 6 miljun ewro.
Qed jitkompla l-investiment fil-grawnds tal-futbol imxerrdin ma’ pajjizna. B’investiment tal-Gvern bi shab mal-Malta Football Association, se jkunu saru u gew zviluppati 52 grawnd tal-futbol, u b’hekk se jgawdu minnhom aktar minn 9,000 tifel u tifla. Investejna wkoll f’facilitajiet sportivi ghall-pubbliku permezz ta’ outdoor gyms ¬ghall-uzu tal-pubbliku.
Matul dawn il-hames snin, il-Gvern ikun ta ghajnuna rekord lill-ghaqdiet sportivi f’pajjizna. Permezz ta’ 26 skema se nkunu investejna 8 miljun ewro fl-ghaqdiet taghna. Minbarra dan, 115-il ghaqda sportiva nghataw l-amministrazzjoni ta’ 129 art pubblika b’valur ta’ 47 miljun ewro.
Però fl-ahhar mill-ahhar l-isports mhux biss facilitajiet. L-isports jibqa’ attività umana u hawn ukoll qeghdin ninvestu fit-tfal taghna, fiz-zghazagh taghna u fl-anzjani taghna.
Tul dawn l-ahhar hames snin nedejna numru ta’ skemi sabiex inhajru aktar nies jiehdu sehem f’attivitajiet sportivi. Nedejna skemi specifici ghall-Kunsilli Lokali u lhaqna 18,000 persuna. 31,000 tifel u tifla qeghdin jippartecipaw fi programmi sportivi tal-Kunsill Malti ghall-Isports kull sena
Komplejna ninvestu fl-atleti u fl-isportivi taghna. Permezz tal-iskema 20/20 qed insostnu t-tahrig ta’ atleti nazzjonali li jahdmu kemm mal-Gvern u kemm mal-privat. Nedejna skema tal-isports leave ghall-haddiema fis-settur pubbliku. Qed ninvestu fl-edukazzjoni wkoll, ghall-ewwel darba fl-2012 inghataw 14-il borza ta’ studju fl-isport. Minn din is-sena fethet ukoll l-Iskola Nazzjonali tal-Isport biex uliedna jirnexxu kemm fl-iskola u fl-isport. 38 student qed jitharrgu fi 8 dixxiplini differenti sabiex ikollhom karriera sportiva ma’ dik akkademika.
Investejna fl-isports, fiz-zghazagh u fit-tfal taghna. Investejna ghax pajjizna holoq ix-xoghol u l-gid. Ghalhekk dan l-investiment seta’ jsir u jista’ jitkompla biss jekk pajjizna jibqa’ johloq ix-xoghol u l-gid.
Il-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fl-isports u fl-ghaqdiet sportivi. Se nkunu qed inniedu skemi sabiex ghaqdiet sportivi jkunu jizviluppaw l-art taghhom mal-privat. Se ninvestu f’outdoor gym f’kull lokalità u se nkomplu ninvestu fil-facilitajiet sportivi, inkluz fi trakk ghal-motorsports. L-investiment fl-edukazzjoni permezz ta’ scholarships se jitkompla.
Sinjuri
L-attività tal-lum hi celebrazzjoni tal-valur tal-isports u tal-kontribut tal-isports lis-socjetà Maltija.
Hi celebrazzjoni tal-hidma kollaborattiva bejn il-Gvern u l-assocjazzjonijiet sportivi ta’ Malta.
Hi fuq kollox celebrazzjoni ta’ investiment fit-tfal taghna, fiz-zghazagh taghna, fil-lokalitajiet taghna u fil-pajjiz.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en