OPPORTUNITÀ GĦALL-INKWILINI TA’ APPARTAMENTI TAL-GVERN BIEX JIXTRU R-RESIDENZA TAGĦHOM BI PREZZ ISSUSSIDJAT
L-Awtorità tad-Djar estendiet l-iskema ‘Sir sid ta’ darek’ li kienet diġà fetħet is-sena l-oħra. Din l-iskema toffri l-għażla lill-inkwilini li jgħixu f’appartamenti tal-Gvern bil-kiri biex jixtru l-post fejn joqgħodu bi prezz issussidjat u jkomplu jużawh bħala residenza ordinarja tagħhom.
L-iskema tnediet mill-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja flimkien ma’ Dott. Albert Buttigieg, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar.
Il-Ministru Said spjega li l-Gvern qiegħed jerġa’ joffri din l-iskema u jibni fuq is-suċċess tal-ewwel skema. Din id-darba qed jiftaħ l-iskema għal-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex, jiġifieri kull fejn l-art li fuqha huma mibnija l-appartamenti hi propjetà tal-Awtorità tad-Djar jew tad-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern. Dan il-Gvern qiegħed jagħmlu, fisser il-Ministru Said, biex jinkoraġixxi lil iktar residenti jsiru s-sidien ta’ darhom filwaqt li jgħinhom finanzjarjament biex jagħmlu dan l-investiment. Huwa fakkar li f’Malta r-rata ta’ home ownership hi ta’ 76%. Il-Ministru Said spjega li l-iskema se tkun qed toffri livelli differenti ta’ sussidju, sa massimu ta’ 60%, fuq il-prezz kummerċjali f’każ li l-applikanti jkollhom assi li ma jaqbżux il-valur ta’ €100,000 bil-Gvern jippreżenta żewġ modi differenti ta’ kif wieħed jista’ jixtri r-residenza li jinsab fiha.
Min-naħa tiegħu Dott. Buttigieg spjega kif, biex jitnaqqas il-proċess tal-applikazzjoni, l-Awtorità tad-Djar fasslet on line calculator li jinsab fuq il-website www.housingauthority.com.mt. Dan jiffaċilita xogħol u żmien biex l-inkwilini jkunu jistgħu jsiru jafu anke l-prezz issussidjat li jistgħu jixtru bih mill-kumdità ta’ darhom.
Is-sussidju għal din l-iskema jinħadem fuq id-dħul annwali tal-inkwilini kif ukoll fuq kemm-il sena jkunu ilhom jikru l-fond bħala kerrejja legali, sa massimu ta’ tletin sena.
Ix-xiri jista’ jsir b’żewġ modi. L-inkwilin jista’ jħallas 10% tal-prezz issussidjat fid-data tal-konvenju imbagħad iħallas il-bqija fid-data tal-kuntratt finali. Mod ieħor ta’ ħlas huwa li jħallas 40% tal-prezz issussidjat fid-data tal-konvenju u l-bilanċ jitħallas f’pagament mensili mingħajr imgħax fuq medda ta’ 15-il sena.
L-Awtorità tad-Djar tistieden lil min hu interessat f’din l-iskema biex iniżżel l-applikazzjoni minn fuq il-website tal-Awtorità stess. L-uffiċju tal-Customer Care ser ikun qed jilqa’ l-applikazzjonijiet mit-Tnejn, 11 ta’ Frar 2013, kull nhar ta’ Tnejn, Tlieta, Ħamis u Ġimgħa bejn it-8.00am u l-11.30am. Din l-iskema hija miftuħa għall-perjodu ta’ sena.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en