IL-FABBRIKA DOLD AUTOMATION TINVESTI U SSAĦĦAH L-OPERAT TAGĦHA F’PAJJIŻNA
Il-kumpanija Dold Automation, investiment Ġermaniż li ilha topera f’pajjiżna mill-1990, kompliet turi fiduċja fl-ekonomija ta’ pajjiżna, saħħet l-operat tagħha f’Malta u qed tippjana wkoll espansjoni li tfisser numru ta’ postijiet tax-xogħol ġodda. Dan tħabbar waqt żjara tal-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech li ltaqa’ mal-Management u l-ħaddiema tal-istess kumpanija li tipproduċi prodotti li jintużaw f’tagħmir industrijali u li jiġu esporati lejn il-Ġermanja.
Il-Ministru Tonio Fenech qal li l-industrija tal-manifattura tibqa’ pilastru importanti tal-ekonomija ta’ pajjiżna u kienet ukoll fattur ta’ tkabbir ekonomiku li rajna fl-2012. “Dan kien possibbli għaliex l-investituri barranin baqgħu juru fiduċja fl-ekonomija, fil-finanżi ta’ pajjiżna, kif ukoll fir-riżorsi umani tagħna. Pajjiżna kompla jirreġistra riżultati b’saħħithom fil-qasam tal-esportazzjoni, li żdiedet b’mod li s-sena li għaddiet irreġistrajna wara 10 snin trade surplus. Fl-aktar statistika riċenti tal-UE, il-produzzjoni industrijali niżlet f’16 il pajjiż u żdied f’5 biss bit-tielet l-ogħla tkun f’Malta (żieda ta’ 6%).
Filwaqt li l-kumpanija Dold rnexxilha tegħleb l-isfidi tal-kriżi internazzjonali, il-Ministru fakkar ukoll fl-għajnuna li l-Gvern ta lil diversi fabbriki tal-manifattura li kienu f’diffikultajiet..Bl-għajnuna diretta tal-Gvern, is-sidien tal-fabbriki, flok keċċew lill-ħaddiema, kif għamlu f’pajjiżi oħra, żammew lill-ħaddiema u investew aktar. Il-fabbriki li ngħataw l-għajnuna mill-Gvern, mhux investew bejniethom aktar minn 110 miljun ewro wara l-intervent mill-Gvern.
Il-fabbrika tad-Dold tinsab fil-limiti taż-żona industrijali ta’ Bulebel li rat ukoll investiment importanti matul din il-leġislatura, fejn kien parti minn proġett ta’ 17-il miljun ewro f’titjib taż-żoni industrijali ta’ Bulebel, Ħal Far, Kordin u l-Mosta. Bulebel kien ukoll l-ewwel miż-żoni industrijali tal-Malta Enterprise fejn diġa qed jopera child care centre. Tliet ċentri oħra huma ppjanati f’żoni industrijali oħra. Dan qed jippermetti biex aktar persuni, b’mod partikolari nisa, isibu bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-familji tagħhom, temm jgħid Tonio Fenech.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en