DISKORS TAL-ONOR. GIOVANNA DEBONO MINISTRU GĦAL GĦAWDEX WAQT L-INAWGURAZZJONI TAD-DIPARTIMENT ĠDID TAL-OPERAZZJONIJIET FL-ISPTAR ĠENERALI TA’ GĦAWDEX. L-ERBGĦA 6 TA’ FRAR 2013
Onorevoli Prim Ministru,
Kollegi,
Sinjuri
Huwa bi pjaċir li qed nilqgħukom hawn illum, f'ġurnata li ser tfisser żvilupp ieħor importanti fl-istorja ta' dan l-isptar.
Id-dipartiment tal-operazzjonijiet li ser jiġi inawgurat minn hawn u ftit ieħor mill-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi, huwa xhieda oħra tal-ħidma tal-Gvern b'risq il-qasam tas-saħħa f'pajjiżna. Ħidma li kif qed naraw kellha wkoll sehem minnha l-gżira ta' Għawdex.
Ser ikollna opportunità li nisimgħu aktar tagħrif dwar il-proġett li permezz tiegħu dan l-isptar issa għandu żewġ dipartimenti ġodda: dak tal-operazzjonijiet u dak tar-radjoloġija. Proġett estensiv u rrid ngħid, ambizzjuż, li sewa investiment ta' €3.8 miljun ewro li 85% tagħhom kienu ko-finanzjati mil-Fond Ewropew għalll-Iżvilupp Reġjonali.
Wieħed japprezza li dan huwa sptar li ilu jaqdi s-servizzi tas-saħħa f'Għawdex għal kważi 40 sena. Dan ifisser li minbarra xogħol ta' manutenzjoni jkun jeħtieġ ukoll ristrutturar qawwi fejn tista’ tgħid kollox jinbidel mill-ġdid.
Dan hu dak li ġara fit-twettieq ta’ dan il-proġett fejn din il-parti tal-isptar inqalgħet mill-qiegħ u ġiet ristrutturata biex illum stajna naslu għal din il-fażi ta' konklużjoni ta' dan il-proġett.
Irrid nispjega li minbarra l-ko-finanzjament minn fondi Ewropej, ridna wkoll ninvestu mijiet ta' eluf ta' ewro oħra biex insaħħu u nsostnu dak kollu li kien jaħseb għalih il-proġett. Hekk per eżempju biex twaqqaf dan id-dipartiment li se jiġi inawgurat riedu jinbnew ħitan ġodda, jingħalqu aperturi u jinfetħu oħrajn ġodda, minbarra l-installazzjoni ta' servizzi ġodda. Dan ġara wkoll fit-taqsima tar-radjoloġija fejn barra dan kollu ridna ninvestu wkoll aktar minn 1.5 miljun ewro biex stajna nillinkjaw is-sistema diġitali ġdida ma' dik f'Mater Dei.
Kif tafu, dan il-proġett kien jinkludi wkoll ix-xiri ta' apparat ġdid u modern li permezz tiegħu introduċejna servizzi ġodda bħal ma huma s-CT scan u l-mammogram. Id-dipartiment tal-operazzjonijiet issa ser ikun mgħammar b’apparat ġdid u b'sistemi kliniċi ġodda li se jtejbu mhux ftit il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa f'Għawdex.
Illum tistgħu taraw li minbarra x-xogħlijiet strutturali, dan id-dipartiment ġie mgħammar b'apparat ġdid li minbarra li jikkumplimenta d-dehra, ifisser ukoll aktar mezzi u possibiltà li jiżdiedu dejjem aktar is-servizzi li jistgħu jingħataw minn dan l-isptar f'Għawdex. Dan inaqqas il-ħtieġa li pazjenti Għawdxin ikollhom jiġu referuti għal dawn is-servizzi f'Malta, bl-inkonvenjent u l-ispejjeż marbuta magħhom.
Qegħdin ukoll noffru faċilitajiet aħjar lit-timijiet mediċi u ħaddiema ta' dan l-isptar. B'hekk jistgħu ukoll isaħħu l-kompetenzi tagħhom u f’ambjenti li joffrulhom spazji u għodda aktar moderni.
Hu ghalhekk li ser inkomplu nsaħħu dak kollu li sar permezz ta' dan il-proġett billi se nkomplu noffru aktar apparat li ser jiġi ffinanzjat minn fondi nazzjonali. B'hekk dak li ser ninawguraw illum li sar bħala riżultat tal-Proġett ko-finanzjat minn fondi Ewropej ser ikompli jiġi msaħħaħ b’aktar apparat li se jitħallas mill-fondi nazzjonali.
Sinjuri, dan kollu ma sarx waħdu.
• Sar għax bħala Gvern żammejna lil qasam tas-saħħa bhala prijorità ewlenija.
• Sar għax kellna pjanijiet li mhux biss inbidlu l-faċilitajiet il-qodma iżda nkomplu nsaħħu u nżidu servizzi tas-saħħa f'Għawdex stess.
• Sar għax kien hemm ukoll il-kollaborazzjoni ta' dawk kollha nvoluti speċjalment tal-ħaddiema li llum jixraq li nagħtuhom ukoll rikonoxximent tal-ħidma tagħhom li ħafna drabi tkun mal-marid u ma' qrabatu li wkoll jgħaddu minn mumenti diffiċli.
Wieħed irid ukoll ifakkar li x-xogħlijiet kollha li saru u dawk li kif tistgħu taraw għaddejjin f'taqsimiet oħra, iridu jsiru waqt li s-servizzi f’dan l-isptar iridu jibqgħu jingħataw b'mod regolari.
Dan kollu jeħtieġ koordinazzjoni u kollaborazzjoni bejn id-diversi sezzjonijiet tal-isptar, kemm dawk mediċi u amministrattivi kif ukoll dawk tekniċi. Ta' dan nixtieq ngħidilkom ilkoll grazzi mill-qalb. Grazzi speċjalment ghax fil-kors ta' din il-ħidma intensiva qatt ma waqaf is-servizz li ngħata lill-pazjenti u dawk kollha li kienu jeħtieġu xi servizzi f'dan l-isptar.
Sinjuri, iż-żmien ma jippermettix li jiena ntawwal f'dan id-diskors, li jiena qed nwassal b’ċertu sodisfazzjon. Kif qed taraw, minkejja li l-proġett tad-Dipartiment tar-Radjoloġija u d-Dipartiment tal-Operazzjonijiet kien wieħed intensiv, dan ma kienx l-uniku proġett li kien għaddej f'dan l-isptar. Bħal ma qed taraw sar ukoll ristrutturar estensiv fil-kurriduri kollha li għadu wkoll għaddej f'numru minnhom. Hawn ukoll irridu nfakkru li dan kien proġett kumpless li permezz tiegħu tbiddlu servizzi qodma u ġew installati oħrajn ġodda. Barraminhekk saret preparazzjoni għal proġett ieħor li ser ikun ukoll ko-finanzjat minn fondi Ewropej li permezz tiegħu qed nipproponu li nnaqsu t-tniġġiż fl-ambjent billi ninstallaw sistemi ta' enerġija aktar nadifa.
Għaddejjin b'tenders biex il-chemotherapy unit li lestejna tiġi mgħammra b’apparat u għamara meħtieġa biex din ukoll tkun tista' tibda toffri servizzi ta' kimoterapija f'Ghawdex.
Barraminhekk ser nintroduċu wkoll Mineral Bone Density unit biex anke hawn noffru l-opportunità li dawn it-testijiet ikunu jistgħu jiġu offruti f'Għawdex u b'hekk innaqqsu l-ħtieġa biex pazjenti Għawdxin ikollhom jirrikorru għalihom f'Malta.
Dan kollu kien ukoll ikkumplimentat bix-xiri ta' żewġ ambulanzi ġodda mgħammra skont standards moderni u li joffru sigurtà lil pazjenti kif ukoll lil paramediċi.
Fl-aħħarnett ta' min jgħid ukoll li minbarra għal proġetti strutturali ħsibna wkoll biex inkomplu ntejbu l-opportunitajiet u l-faċilitajiet biex il-ħaddiema f'dan l-isptar ikomplu jtejbu l-kompetenzi tagħhom. Hawn ukoll akkwistajna fondi Ewropej li permezz tagħhom ser jitwaqqfu faċilitajiet ta' video conferencing f'dan l-isptar biex nurses u ħaddiema oħrajn f'dan l-isptar ikunu jistgħu jipparteċipaw f'korsijiet ta' career development mingħajr il-ħtieġa li jmorru għalihom f'Malta. Dan isaħħaħ il-potenzjal ta' aktar parteċipazzjoni mingħajr ukoll pressjoni fuq l-amministrazzjoni u b'hekk isaħħaħ ferm aktar il-potenzjal tar-riżorsa umana.
Sinjuri, kien dmir tagħna li nwettqu dan kollu. Sodisfatti li għalkemm għad fadal xi jsir, għamilna dak kollu possibbli.
Nixtieq għalhekk nirringrazzja lil Prim Ministru li dejjem sibnih ta' spalla u li jifhem il-ħtiġijiet partikolari ta' Għawdex.
Grazzi lil Ministru tas-Saħħa, uffiċċjali u ħaddiema oħra fl-istess ministeru li jikkollaboraw mal-uffiċċjali u l-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex u dawk f'dan l-isptar.
Grazzi lil dawk kollha li ħadmu u li kkollaboraw magħna biex illum qed nagħmlu pass ieħor il-quddiem fis-servizzi tas-saħħa li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Għawdxi.
Grazzi
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en