Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAS-SWALI L-ĠODDA TAL-OPERAZZJONIJIET FL-ISPTAR ĠENERALI TA' GĦAWDEX, FIR-RABAT, GĦAWDEX - L-ERBGĦA, 6 TA' FRAR 2013

pr0177
Date Icon 06/02/2013

Onorevoli Ministri,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Li s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi hi prijorità għall-Gvern immexxi minni huwa fatt.

Il-preżenza tagħna hawn illum ġewwa l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex jixhed dan l-impenn tal-Gvern lejn is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.  

Għalhekk huwa b'sens ta' sodisfazzjon li qiegħed hawn illejla magħkom biex ninawguraw dawn is-swali ġodda tal-kirurġija ġewwa Għawdex.

Dawn is-swali mhux biss huma mgħammra bl-aqwa teknoloġija u joffru qabża ta' kwalità fl-Isptar ta' Għawdex imma huma xhieda oħra tanġibbli tal-benefiċċju tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.

Huma swali li mhux biss joffru ambjent mill-aqwa għall-professjonisti imma wisq aktar joffru trattament tal-ogħla kwalità lill-pazjenti li se jużawhom.

B'investiment ta' €4 miljuni, dawn is-swali huma parti minn proġett aktar wiesa’ ta' investiment ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.  Investejna fit-teknoloġija sabiex ir-riżultati fl-Isptar ta' Għawdex ikunu aċċessibbli lill-konsulenti u t-tobba f'Mater Dei.  Marbut ma’ dan l-investiment kollu hemm it-twaqqif tad-dipartiment tar-radjoloġija li tlesta u li qiegħed jintuża mill-pubbliku.

Rajna u smajna l-esperjenzi ta' pazjenti li wżaw is-servizzi ta' dan id-dipartiment mgħammar bl-aħħar teknoloġija fis-settur.  Huwa tassew investiment li qiegħed jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.

Investiment imsejjes fuq il-prinċipju u t-twemmin li l-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru tal-politika tagħna.  Dan li qed nagħmlu permezz tal-investimenti tagħna f'kull settur speċjalment dak tas-saħħa.

F'Għawdex il-Gvern se jkompli jinvesti fl-Isptar Ġenerali permezz ta' proġett ieħor li se jħares lejn il-ġenerazzjoni ta' enerġija nadifa b'investiment ta' €6 miljuni.  Se nkomplu nsebbħu l-Isptar permezz ta' investiment fis-swali kif ukoll biswit l-Isptar se jkun qiegħed jinbena Ċentru tal-Iżvilupp tat-Tfal.

Se nkomplu ninvestu fikom, f'saħħitkom u f'Għawdex.  Din hi l-politika u l-viżjoni tagħna.

Sinjuri,

Filwaqt li pajjiżi oħra naqqsu l-investiment fis-servizz tas-saħħa, il-Gvern għaliex kien responsabbli u għaqli fid-deċiżjonijiet li ħa – seta’ jkompli jinvesti fis-saħħa.  Investejna f’saħħtek.  

Żidna l-investiment fis-saħħa għal €465 miljun.  Introduċejna mediċini u operazzjonijiet ġodda kif ukoll qed ninvestu f'apparat ġdid u fil-bini ta' ċentru tal-onkoloġija.

L-investiment li qed isir qed jgħin lit-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.  Dan mhux qed ngħidu jien imma qed tgħidu l-organizzazzjoni tal-pajjiżi l-aktar żviluppati fid-dinja, l-OECD, u l-Unjoni Ewropea f'rapport li ħarġu f'Novembru tal-2012 fejn juru li aħna l-Maltin qegħdin l-ewwel fil-kejl importanti tat-tul tal-ħajja b'saħħitha.  Dan ma ġiex b'kumbinazzjoni imma huwa frott tal-investiment li sar u li qiegħed isir fis-sistema tas-saħħa fost l-oħrajn.

Il-Fondi tal-Unjoni Ewropea kienu element importanti fit-twettiq tal-viżjoni tagħna.  Kienet propju deċiżjoni matura u responsabbli li wasslet biex pajjiżna u l-poplu tagħna seta jgawdi minn dawn l-investimenti kollha.  Propju fis-saħħa biss, l-investiment mill-Unjoni Ewropea tul il-perjodu 2007 u 2013 laħaq il-€50 miljun inkluż dan l-investiment li qed ninawguraw illum.

F'Għawdex, l-Unjoni Ewropea għamlet differenza kbira fil-kwalità tal-ħajja.  Investejna f'enerġija nadifa, fil-bini ta' toroq ġodda, fi spazji pubbliċi u ġonna, investejna fit-taħriġ u fi skemi għall-ħolqien tax-xogħol kif ukoll fl-Università ta' Għawdex.  Investiment f'kull settur li ħoloq ix-xogħol u li tejjeb il-kwalità tal-ħajja.  Investiment li sar grazzi għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u li qiegħed jagħmel id-differenza u d-deċiżjonijiet li qed nieħdu dwar kif l-aħjar ninvestu l-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-ġid tiegħek.

U hekk bi ħsiebna nkomplu nagħmlu bħala Gvern.  Irridu qabża oħra ta' kwalità f'Għawdex u fis-sistema tas-saħħa Għawdxija.

Se nwaqqfu servizzi ġodda ġewwa Għawdex fosthom kliniċi għall-mard taz-zokkor, tal-qalb u se tinfetaħ dementia ward.

Sinjuri,

Is-saħħa għall-Gvern hi prijorità.  Prijorità kemm f'Malta u kemm f'Għawdex u dan l-investiment li tlesta u l-investiment li se jibda, jkompli jixhed dan l-impenn.

Impenn li l-Gvern kommess li jsostni permezz ta' fondi mill-Unjoni Ewropea.

Dan l-investiment li qed ninawguraw illum jixhed il-qabża ta' kwalità li qed nagħmlu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, għall-ġid tal-pazjenti u tal-qraba tagħhom.

Hekk se nkomplu nagħmlu għax saħħtek għal qalbna.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow