POSSIBILTAIJIET ĠODDA GĦALL-INFERMIERA PERMEZZ TA’ FTEHIM ĠDID LI MINNU SE JGAWDI L-PAZJENT
Il-Ministru għas-Saħħa l-Anzjani u Kura fil-Komunità Dr Joe Cassar ħabbar li ġie milħuq ftehim mal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) li se jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-Infermiera u l-Qwiebel u li permezz tiegħu se jgawdi il-pazjent.
Ir-riżorsa umana kienet fil-qofol tal-ħidma tal-Gvern tul dawn il-ħames snin, u dan kien prinċipju ewlieni li fuqu ġiet ibbażata ħafna mill-ħidma tal-Ministeru għas-Saħħa. Hekk stqarr il-Ministru Cassar hekk kif ippresjeda l-iffirmar tal-ftehim mal-MUMN li ser joffri qabża oħra ta’ kwalità kemm għall-professjonist kif ukoll fil-kura li l-professjonist jipprovdi.
Joe Cassar irringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fil-proċess, li kien wieħed impenjattiv minħabba t-tibdil radikali li ħoloq. Dan il-fethim se jinċentiva il-professjonisti biex jispeċjalizzaw fil-qasam tagħhom filwaqt li se jippremja l-esperjenza tal-istess professjonisti.
Dan kollu għandu jwassal għal professjonist aktar speċjalizzat u permezz ta’ dan tkun offruta kura aktar speċjalizzata lill-pazjent. Il-Ministru Cassat saħaq li b’dan il-mod jiġi żgurat l-interess tal-pazjenti kollha li jużaw is-servizzi tas-saħħa. Hu qal li sal-lum, biex l-infermiera u l-qwiebel jieħdu promotion, l-unika triq li kien hemm kienet dik li l-professjonist jieħu t-triq tal-management.
Dan il-ftehim issa bidel dan kollu u fetaħ ħafna bibien ta’ opportunitajiet biex dawn iż-żewġ professjonijiet ikomplu javvanzaw. Fil-fatt il-professjonisti se jkunu jistgħu jieħdu promotion anke jekk jixtiequ li jibqgħu jaħdmu direttament mal-pazjent. Dan il-pass se jkun ibbażat fuq l-esperjenza u / jew fuq il-livell edukattiv.
Il-President tal-MUMN, is-Sur Paul Pace, irringrazzja lill-Prim Ministru, lill-Ministru Joe Cassar u lill-Ministru Tonio Fenech għall-impenn tagħhom sabiex dan il-ftehim storiku seta’ jidħol fis-seħħ. Hu qal li minħabba il-bidliet radikali li dan il-ftehim ġab miegħu, id-diskussjonijiet relatati kienu twal u impenjattivi. Hu qal li issa qed niftħu fruntieri ġodda għall-infermiera u l-qwiebel u li minn dan kollu l-aktar li se jgawdi hu propju il-pazjent.
Is-Sur Pace qal li ħames snin ilu, l-MUMN kienet iffirmat ftehim li kien intiż biex jindirizza il-kwantità ta’ infermiera u qwiebel, iżda llum, dan il-fethim kien qiegħed jindirizza l-kwalità.
Paul Pace qal li ż-żewġ professjonijiet evolvew matul dawn is-snin, partikolarment grazzi għall-possibiltajiet edukattivi differenti li hawn. Għalhekk dan il-ftehim il-ġdid se jkun qiegħed jaħseb biex ikompli jsaħħaħ il-professjonijiet u l-kwalità ta’ kura pprovduta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en