Left arrow Mur Lura

IL-GVERN JINVESTI €600 MILJUN AKTAR F’GĦAJNUNA SOĊJALI F’DIN IL-LEĠIŻLATURA

pr0169
Date Icon 05/02/2013

F’ħames snin il-Gvern żied in-nefqa tiegħu fil-benefiċċji soċjali b’iktar minn €600 miljun. Meta wieħed iqabbel in-nefqa tal-Gvern fl-2007 u dak li qed jinvesti llum il-Gvern f’għajnuna soċjali jara li d-differenza hi waħda sostanzjali, bi flus li marru direttament fil-bwiet tal-familji u l-anzjani biex ikunu jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Dan qalu l-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja meta dalgħodu żar l-uffiċċji tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fir-Rabat, Għawdex u ltaqa’ mal-ħaddiema li joffru servizzi fuq bażi nazzjonali permezz ta’ sistema back-office.

Chris Said spjega li ż-żieda kull sena fin-nefqa tal-Gvern bejn l-2008 u l-2012 imqabbla mal-aħħar sena tal-leġiżlatura preċedenti, jiġifieri l-2007, turi li l-għajnuniet Kontributorji weħidhom – li jinkludu l-pensjoni tal-irtirar, il-pensjoni tal-invalidità, u l-pensjoni tar-romol – żdiedu b’iktar minn €540 miljun meta tgħodd iż-żieda ta’ kull sena f’dawn l-aħħar ħames snin. Kien hemm iktar minn €50 miljun oħra żieda fl-għajnuniet Mhux-Kontributorji li jiġbru fihom iċ-Children’s Allowances u għajnuniet oħra lill-familji. 

Il-Ministru responsabbli mill-qasam soċjali fakkar kif fl-aħħar ħames snin il-Gvern għażel b’mod konxju li jagħmel bidliet fl-għajnuna soċjali li jagħti lill-anzjani u lill-familji biex iktar familji jibqgħalhom flus fil-but. Dan wassal biex fost l-oħrajn:

- 112,000 persuna li jieħdu xi forma jew oħra ta’ benefiċċju soċjali qed igawdu ż-żieda tal-għoli tal-ħajja;

- 80,000 pensjonant qed igawdu ż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja u llum qed jieħdu €1,200 iktar f’pensjoni milli ħames snin ilu;

- il-pensjonanti li jieħdu l-pensjoni tas-servizz illum qed ikollhom l-ewwel €1,066 mill-pensjoni tas-servizz injorati meta jsir ir-re-assessment annwali biex tiġi stabbilita r-rata ta’ pensjoni tas-Sigurtà Soċjali dovuta. Din hi żieda sostanzjali mill-ammont ta’ €466 li kien ġie introdott fis-sena 2008;

- il-Gvern għamel riforma fiċ-Children’s Allowance li jfisser li madwar 45,000 familja fis-sena llum qed jieħdu minimu ta’ €350 għal kull wild, bil-Gvern irid ikompli jżid din l-għajnuna għal minimu ta’ €450 għal kull wild;

- Żdiedet b’mod qawwi ċ-Children’s Allowance għall-familji li jagħmlu fostering, minn €12 kull ġimgħa fl-2007 għal €70 kull ġimgħa llum, u;

- Żdiedet l-Għajnuna Supplimentari lil dawk kollha li tingħata.

Dan minbarra li fl-aħħar ħames snin:

- Madwar 14,000 pensjonant li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu wara l-pensjoni qed jieħdu l-pensjoni sħiħa;

- aktar minn 12,000 anzjan u anzjana ta’ 80 sena jew iktar li jgħixu fid-dar jew mal-familja tagħhom ingħataw €300 fis-sena, bil-Gvern diġà ħabbar fil-Baġit li għal din is-sena din l-għajnuna tingħata lil min għandu 78 sena u bil-mod il-mod lill-anzjani ta’ 75 sena;

- romol li żżewġu baqgħu jgawdu l-pensjoni tagħhom tar-romol;

- sar tibdil fil-pensjoni tad-diżabilità u persuni b’diżabilità li jiżżewġu ma jkollhomx id-dħul tal-konjuġi tagħhom ikkunsidrat għall-fini tat-test tal-mezzi biex jikkwalifikaw għall-pensjoni tad-diżabilità;

- żdied il-leave tal-maternità minn 14-il ġimgħa għal 18-il ġimgħa;

- il-Gvern ħoloq il-komputazzjoni “Ġenitur” u b’hekk ġenituri qed jiffrankaw bejn €150 u €840 fis-sena f’taxxa tad-dħul bejniethom.

Chris Said qal li filwaqt li l-investiment fis-servizzi soċjali jfissru piż ikbar fuq il-Gvern, il-Gvern preżenti madankollu għażel li jżid l-ispiża f’dan is-settur biex ikompli jinvesti fil-familji, fl-anzjani u fil-persuni b’diżabilità fost l-oħrajn biex huma lkoll igawdu minn iktar flus fil-but u minn kwalità tal-ħajja ferm ogħla. Dan kollu seta’ jsir, spjega l-Ministru, għaliex il-pajjiż baqa’ joħloq il-ġid u b’hekk il-Gvern seta’ jkompli jwessa’ x-xibka soċjali biex il-pajjiż iwieżen lil min hu fil-bżonn.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow