IL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX JINVESTI €210,000 FI PROĠETTI FIL-MUNXAR U X-XLENDI
“Il-lokalità tal-Munxar flimkien mal-hamlet tax-Xlendi bbenefikaw minn allokazzjoni li tlaħħaq aktar minn €210,000 li permezz tagħhom ġew imwettqa diversi proġetti taħt l-iskemi tal-Ministeru għal Għawdex marbuta mal-Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex 2010-2012.”
Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett Valorising Heritage to improve the Gozo Tourism Product li kien koordinat mill-għaqda Inħobbu lil Munxar u x-Xlendi u ġie mwettaq b’għajnuna finanzjarja mill-Ministeru għal Għawdex permezz tal-iskema ta’ ekoGħawdex għall-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin. Dan il-proġett kien jinkludi l-pubblikazzjoni ta’ 5000 kopja ta’ ktejjeb, li jinkludi ritratti u informazzjoni dwar il-Munxar u x-Xlendi u b’hekk jista’ jintuża bħala gwida waqt mixjiet fl-inħawi rurali ta’ din il-lokalità. Ġew prodotti wkoll 3,000 kopja ta’ dokumentarju fuq DVD li jittratta l-kultura u l-wirt storiku li wieħed għadu jista’ jsib fil-Munxar u x-Xlendi. Hu maħsub li dan id-dokumentarju jkun aċċessibbli wkoll minn fuq sit elettroniku li ser ikun imniedi mill-istess għaqda. Il-proġett kien jinkludi wkoll l-istallazzjoni ta’ 25 information panel f’siti importanti fil-Munxar u x-Xlendi, kif ukoll it-twaqqif ta’ żewġ interactive kiosks li jipprovdu informazzjoni għat-turisti li jżuru dawn l-inħawi. Bħala parti mill-proġett, saret ukoll kampanja ta’ reklamar fuq l-istazzjon nazzjonali tat-televiżjoni, li damet għaddejja għaxar ġimgħat.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li filwaqt li kompla jagħti valur lil karatteristiċi partikolari li wieħed għadu jista’ jsib fil-Munxar u fix-Xlendi, dan il-proġett ser jiswa wkoll biex ikun apprezzat aktar dak kollu li jagħti identità distinta lill-gżira ta’ Għawdex. Ser ikompli jtejjeb ukoll l-esperjenza ta’ dawk kollha li jżuru dawn l-inħawi fil-gżira ta’ Għawdex. Hija qalet li dan huwa biss wieħed minn numru ta’ proġetti li twettqu minn Għaqdiet mhux Governattivi, il-Kunsill Lokali kif ukoll mill-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi.
Dawn jinkludu l-proġett li qed jitwettaq mill-Kunsill Lokali tal-Munxar li ser jagħmel żona pedonali fil-pjazza ewlenija tal-lokalità kif ukoll proġett ieħor marbut mat-tisbiħ ta’ nħawi turistiċi li jikkumplimentaw is-sbuħija naturali tax-Xlendi, bir-riabilitazzjoni tal-promenade li tinsab taħt Triq Xmun li twettaq mil-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi. Gruppi oħra, kemm il-klabb tal-futbol, dak tal-boċċi u l-grupp katekisti u l-kor, wettqu proġetti li bihom ser ikun possibbli li fiċ-ċentri tagħhom jaħżnu aktar ilma tax-xita, u jistallaw bozoz li jaħlu inqas enerġija.
Permezz tal-iskemi ta’ EkoGħawdex għall-Kunsilli Lokali, Kumitati Amministrattivi u Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin, ġew imwettqa 53 proġett fil-lokalitajiet madwar Għawdex li bejniethom ħadu għajnuna li tlaħħaq madwar €2.5 miljun.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en