72 PARTEĊIPANT GĦAWDXI JTEMMU B’SUĊĊESS KORSIJIET B’FONDI EWROPEJ
72 parteċipant Għawdxi attendew korsijiet f’diversi lingwi barranin, li ġew koordinati mill-Ministeru għal Għawdex bil-għan ewlieni li jiġu msaħħa l-abilitajiet fil-lingwi mitkellma u b’hekk jiġu mtejba wkoll il-ħiliet tal-ħaddiema Għawdxin.
Dawn il-korsijiet kienu parti mill-proġett ta’ Korsijiet ta’ Taħriġ biex Jiżdiedu l-Prospetti ta’ Xogħol u l-Adattabilità tal-Ħaddiema, li saru b’investiment ta’ €47,000, li 85% minnhom ġew ko-finanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew. B’kollox saru korsijiet f’erba’ lingwi – il-Franċiż, it-Taljan, l-Ispanjol u l-Ġermaniż. Kull parteċipant ingħata 70 siegħa ta’ taħriġ fil-lingwa li għażel li jitħarreġ fiha.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex iltaqgħet mal-parteċipanti li temmew dawn il-korsijiet, filwaqt li ppreżentatilhom iċ-ċertifikati ta’ attendenza. Hija ferħet lill-parteċipanti kollha kif ukoll lill-għalliema tagħhom, li wkoll kienu ta’ kontribut fir-riżultat li nkiseb. Il-Ministru Giovanna Debono sostniet li fil-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex, l-edukazzjoni u t-tagħlim matul il-ħajja ngħataw prijorità anke fil-proposti għall-għajnuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea biex b’hekk jiżdiedu wkoll l-opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ li jkomplu jtejbu l-kompetenzi tar-riżorsa umana f’Għawdex.
Il-Ministru rreferiet ukoll għal aktar fondi Ewropej li kiseb il-Ministeru għal Għawdex u li permezz tagħhom 19-il parteċipant irnexxielhom jiksbu Diploma fil-Kummerċ. Żiedet tgħid li permezz ta’ investiment ta’ aktar minn €220,000, bħalissa 28 parteċipant qegħdin ukoll ikomplu korsijiet għall-Baċellerat fl-Ekonomija, li qed jiġi mtella’ fil-Kampus tal-Università f’Għawdex. Dan minbarra li sitt infermiera qed isegwu kors biex jiksbu ċertifikat fil-Clinical Nursing Practice marbut mas-servizzi fl-Emerġenza, li qed jiġi segwit permezz tal-faċilitajiet tal-konferenzi awdjoviżivi fil-Kampus tal-Università f’Għawdex.
Dan sakemm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jitlestew faċilitajiet ta’ video conferencing li permezz tagħhom infermiera u ħaddiema oħra tal-isptar ikunu jistgħu jsegwu korsijiet simili li jkunu qed jingħataw fl-Isptar Mater Dei. Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif fix-xhur li ġejjin għadd ta’ infermiera u ħaddiema oħra fl-Isptar, ser ikunu jistgħu jsegwu korsijiet fi Clinical Nursing Practice marbuta mat-Teatru tal-Operazzjonijiet u ieħor fil-Critical Care. Hemm preparat ukoll kors li jagħti l-opportunità lil persuni li jokkupaw karigi f’Middle Management u Heads of Sections, biex ikunu jistgħu jiksbu Diploma fil-Hospital Management. L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett, li ser jiswa madwar €300,000 ko-finanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew, huwa dak li jipprovdi faċilitajiet ta’ taħriġ u żvilupp kontinwu għall-ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku f’Għawdex.
Il-Ministru Debono qalet ukoll li permezz ta’ aktar għajnuna finanzjarja minn Fondi Ewropej ser jiftħu numru ta’ korsijiet oħra li ser jiswew kważi €250,000. Dawn il-korsijiet huma indirizzati kemm għal dawk impenjati fil-qasam edukattiv, fosthom Post-Graduate Diploma in Educational Leadership u ieħor għal LSAs, kif ukoll għal dawk li jaħdmu fis-settur turistiku.
“Dan kollu juri li l-Ministeru għal Għawdex mhuwiex biss impenjat biex iwaqqaf proġetti u jtejjeb il-faċilitajiet f’diversi oqsma madwar il-gżira, iżda jaħdem ukoll biex itejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema u jimmassimizza l-potenzjal tal-investiment fir-riżorsi”, temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en