INAWGURAT IR-RESTAWR TAL-KAPPELLA TA’ SAN DIMITRI WARA PROĠETT B’FONDI MILL-UE
L-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, inawgura r-restawr tal-kappella ta’ San Dimitri fl-Għarb Għawdex wara li fuqha sar proġett bħala parti minn proġett ikbar li qed iwettaq il-Kunsill Lokali tal-Għarb b’fondi tal-UE u tal-Gvern Malti.
Il-proġett, bl-isem Għarb’s Cultural and Touristic Conservation Project, jinvolvi l-investiment ta’ iktar minn €600,000. Ir-restawr tal-kappella ta’ San Dimitri kien biss wieħed minn ħames elementi tal-proġett. B’mod sħiħ il-proġett wassal biex ġew restawrati wkoll il-kappella tal-Madonna taż-Żejt fl-Għarb stess, il-bini mill-ġdid tal-pont fi Triq Sdieri, restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ li jinsab fi stadju avvanzat, u restawr tas-salib fil-Pjazza li ġie konkluż. Minħabba tfaddil li rnexxielu jagħmel il-Kunsill Lokali tal-Għarb fuq dan il-proġett, ġie estiż biex ikopri wkoll xogħol ta’ restawr fi Pjazza Żjara tal-Madonna li tlesta, filwaqt li fil-qrib se jkun qed jagħmel xogħol ta’ reswtawr tal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali flimkien maz-zuntier u xelter ta’ żmien il-Gwerra.
Il-kappella ta’ San Dimitri, fl-inħawi magħrufa bħala Kap San Mitri, hija waħda mill-kappelli fil-kampanja li huma l-iktar imfittxija minn turisti imma anke minn Maltin u Għawdxin. Madwarha hemm minsuġa l-leġġenda ta’ San Dimitri li hi parti mill-folklor Malti, u jidher li l-kappella ġiet iddedikata lil dan il-qaddis propju minħabba l-fidi tal-Għawdxin li qraba tagħhom misruqa mill-furbani setgħu jirritornaw lejn darhom bl-interċessjoni tal-qaddis. L-ewwel kappella ddedikata lil San Dimitri f’dan il-post tmur lura lejn is-Seklu Ħmistax iżda l-kappella preżenti kienet reġgħet inbniet fl-1800. Il-kwadru titulari juri d-data tal-1810.
Dan il-proġett ta’ restawr sar permezz ta’ fondi mill-UE taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (Miżura 323) li ffinanzja 90% tal-ispejjeż involuti. L-10% l-oħra ngħataw minn fondi tal-Gvern Ċentrali.
Il-Ministru Chris Said faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Għarb u tas-Sindku David Apap Agius li mill-ewwel possibilta’ ta’ fondi mill-UE hekk kif Malta saret membru, ħataf l-opportunitajiet u rnexxielu jwettaq proġetti infrastrutturali u ta’ rijabilitazzjoni ta’ wirt lokali, fosthom il-proġett estensiv f’Wied il-Mielaħ, li minnu jgawdu r-residenti tal-Għarb imma wkoll il-bqija tal-Għawdxin, Maltin u turisti.
Il-Ministru semma l-għajnuna min-naħa tal-Gvern lil għaqdiet u lil kunsilli lokali biex igawdu kemm jista’ jkun minn fondi tal-Unjoni Ewropea u semma fost l-oħrajn il-ftuħ ta’ uffiċċju tal-MEUSAC anke f’Għawdex li minnu tingħata b’xejn informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament mill-UE u għajnuna ta’ konsulenti biex l-għaqdiet jew il-kunsilli lokali jimlew l-applikazzjoni tagħhom. Huwa spjega wkoll kif fl-aħħar snin il-Gvern ħoloq ukoll fond ta’ ko-finanzjament biex jgħin lil dawk l-għaqdiet jew kunsilli lokali li l-proġett tagħhom jiġi aċċettat għall-finanzjament mill-UE, biex huma ikunu jistgħu jiffinanzjaw dik il-parti tal-fondi li ma tkunx koperta mill-UE.
Minn dan il-fond mill-2009 ‘l hawn il-Gvern għen biex jitwettqu 63 proġett jew inizjattiva ta’ kunsill lokali b’valur totali ta’ €18-il miljun kif ukoll lil 45 għaqda volontarja biex iwettqu proġetti b’valur totali ta’ €12-il miljun.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en