IL-GVERN IKOMPLI JSAĦĦAĦ IR-RIŻORSI UMANI FIL-QRATI TAL-ĠUSTIZZJA
Il-Gvern kompla jsaħħaħ ir-riżorsi umani fil-Qrati tal-Ġustizzja bl-ingaġġ ta’ Assistent Reġistratur u disa’ Messaġġiera tal-Qorti li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ Uffiċċjali Eżekuttivi. Chris Said, il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, ippreżenta l-ittra ta’ ħatra lil dawn il-ħaddiema fil-Qrati tal-Ġustizzja filwaqt li rrefera għall-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-Qrati Maltin. L-Assistent Reġistratur se jkun assenjat dmirijiet fil-Kamp Kriminali u se jkun inkarigat fost l-oħrajn mis-sezzjoni ġdida tal-Asset Management Unit inkarigata mill-iffriżar tal-assi u l-konfiska tagħhom favur il-Gvern f’każijiet b’rabta ma’ ħasil ta’ flus u ma’ traffikar ta’ droga fost reati oħra. Se jkun inkarigat ukoll mill-esibiti kif ukoll mill-intaxxar tal-esperti tal-Qorti biex tiġi assigurata konsistenza u valur għal flus imħallsa mill-Gvern.
Id-disa’ Uffiċċjali Eżekuttivi fil-livell ta’ messaġġiera jfissru li din il-kategorija ta’ ħaddiema, li tinkludi wkoll lil Marixxalli u Purtiera, kompliet tissaħħaħ. Bl-aħħar ingaġġ in-numru ta’ Messaġġiera tal-Qorti rdoppja. Ix-xogħol tagħhom se jkun fl-awli u fir-reġistri biex hekk il-Qrati jistgħu jagħmlu ppjanar aħjar għall-futur peress li minn dan il-grupp għad jinħatru Purtiera u Marixxalli li jkunu responsabbli min-notifika ta’ atti u mill-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ sekwestri, qbid u żgumbrament. Filwaqt li feraħ lill-għaxar ħaddiema nvoluti, il-Ministru Chris Said spjega kif dan l-ingaġġ, wara dak ta’ erba’ Assistenti Ġudizzjarji ftit ġimgħat ilu, jkompli jsaħħaħ id il-Ġudikant biex jingħata dejjem iktar servizz ta’ kwalità għall-ġid tal-pubbliku. Chris Said fakkar fid-diversi inizjattivi li daħlet għalihom il-Qorti fl-aħħar ħames snin, li minbarra titjib infrastrutturali, l-użu ta’ enerġija alternattiva u titjib fl-aċċessibilità, kif ukoll sistemi teknoloġiċi aħjar biex il-Qrati jagħtu dejjem iktar servizz ta’ kwalità, huwa semma’ t-twaqqif tal-Administrative Review Tribunal kif ukoll tribunal ġdid wara t-twaqqif tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.
Semma’ wkoll is-sistema ġdida tad-djarju li bdiet titħaddem mill-1 t’Ottubru 2012 fil-kawżi Ċivili, xi ħaġa li l-Gvern irid idaħħal fil-Qrati kollha u għal kull seduta, u li permezz tagħha huwa mistenni li l-kawżi jibdew jiġu appuntati bil-ħin u għalhekk ikun hemm inqas stennija għall-pubbliku. Din is-sistema ġdida kienet parti minn ftehim li sar mill-Gvern mal-Bank tal-Ġudikatura li jistipula wkoll li jsiru seduti wara nofsinhar. Huwa semma kif iktar tard din is-sena mistennija titlesta wkoll l-binja li se sservi bħala uffiċini għall-Imħallfin u l-ħaddiema tagħhom, b’investiment ta’ madwar €1.1 miljun. Chris Said irrefera wkoll għall-pjan tal-Gvern li jkompli jżid ir-riżorsi umani biex tiżdied l-effiċjenza fil-Qrati, tiżdied l-età tal-irtirar tal-membri tal-Ġudikatura minn 65 għal 68 sena, u tiddaħħal sistema ta’ proċessi elettroniċi biex kull dokument f’kawża jkun aċċessibbli wkoll b’mod elettroniku. Dan flimkien ma’ programm intensiv, inkluż taħriġ, biex aktar każijiet ikunu jistgħu jiġu trattati permezz ta’ arbitraġġ jew medjazzjoni, kif ukoll riforma mill-qiegħ tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u iktar poteri f’idejn il-Prim Imħallef biex tkun assigurata l-ogħla mġieba korretta, etika u effiċjenti mill-membri tal-Ġudikatura.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en