Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-FERGĦA L-ĠDIDA TAL-LOMBARD BANK, TAS-SLIEMA – IL-ĦAMIS, 31 TA’ JANNAR 2013

pr0153
Date Icon 01/02/2013

Sur Said,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Illum qegħdin niċċelebraw suċċess ieħor tas-settur finanzjarju u ta’ pajjiżna. 

Għalhekk hu ta’ sodisfazzjon li qiegħed hawn illejla biex flimkien niċċelebraw pass ieħor importanti kemm fl-istorja tal-Lombard Bank u kemm tas-settur finanzjarju.

Tul is-snin, bħas-settur innifsu, il-Lombard Bank ittrasforma ruħu.  Illum il-Bank hu kwotat fuq l-iStock Exchange, għandu 10 uffiċċji mifruxa ma’ Malta u kompla iżid il-ħaddiema li llum ilaħħqu aktar minn 150.

It-tkabbir u l-espansjoni tal-Lombard Bank tkompli tikkonferma kemm is-settur finanzjarju u bankarju Malti hu b’saħħtu.  Tul dawn l-aħħar ħames snin, fejn sistemi bankarji u finanzjarji ta’ pajjiżi oħra għotru, is-settur f’pajjiżna kompla jissaħħaħ.  F’dawn l-aħħar ħames snin, id-depożiti f’istituzzjonijiet Maltin żdiedu b’aktar minn 9 biljun ewro u llum ilaħħqu qrib it-42 biljun ewro.

Għalija, dawn iċ-ċifri jitkellmu waħedhom.  Dawn jixhdu sinjal qawwi ta’ fiduċja fis-settur bankarju u finanzjarju kif ukoll fl-ekonomija ta’ pajjiżna. 

Sinjuri,

Is-suċċess ta’ kull settur, speċjalment dak finanzjarju u bankarju, jiddependi fuq l-istabbiltà ekonomika tal-pajjiż.  Tul dawn l-aħħar ħames snin, quddiem sfidi globali kbar, l-ekonomija Maltija kompliet tirreġistra riżultati pożittivi ferm.  Dan tikkonfermah l-istatistika uffiċjali maħruġa mill-Unjoni Ewropea.  Kif stqarret il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel waqt laqgħa li kelli magħha aktar kmieni dan ix-xahar, pajjiżna hu kkunsidrat wieħed mill-aħjar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

Fit-tielet kwart tal-2012, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, l-ekonomija Maltija kibret b’1.9%.  Il-medja fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona ewro kien ta’ tnaqqis.

Ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna hi s-sitt l-anqas fl-Unjoni Ewropea. 

Bejn l-2008 u l-2011, ir-rata ta’ nies jaħdmu żdiedet b’2.4 punti perċentwali.  L-akbar rata fl-Unjoni Ewropea.  Il-medja Ewropea kienet tnaqqis ta’ 1.7 punti perċentwali.

Filwaqt li d-deficit ta’ pajjiżna naqas b’1.9 punti perċentwali bejn l-2008 u l-2011, il-medja tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro kiber b’żewġ punti perċentwali.

Dawn l-erba’ indikaturi jixhdu l-kuntrast li jeżisti bejn l-ekonomija Maltija u l-medja tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro.  Pajjiżna qiegħed jikseb ir-riżultati.

F’dan kollu, is-settur finanzjarju jibqa’ pilastru importanti u jikkontribwixxi għal dawn ir-riżultati.

Tul dawn l-aħħar ħames snin, il-valur ekonomiku prodott minn dan is-settur kiber b’aktar minn 80% u ħoloq aktar minn 2,000 post tax-xogħol għaż-żgħażagħ u ħaddiema Maltin.  Illum hemm aktar minn 12,000 ruħ jaħdmu f’dan is-settur.  B’sistema regolatorja b’saħħitha, Malta rnexxielha tistabbilixxi ruħha bħala ċentru reġjonali fis-servizzi finanzjarji.  Pajjiżna rnexxielu jiddiversifika s-settur u llum jilqa’ banek, trusts, hedge funds u insurances fost l-oħrajn.  Mill-1,300 liċenżja li ħarġu mir-regolatur, aktar minn nofshom ħarġu tul dawn l-aħħar snin u dan ikompli juri kemm f’dawn l-aħħar ħames snin komplejna nkunu attraenti għall-investiment f’dan is-settur.  F’dawn l-aħħar ħames snin, quddiem it-taqlib ekonomiku u finanzjarju kbir ħdimna biex l-investiment f’pajjiżna nħarsuh u narawh jikber.  Kull impjieg nirsistu għalih, biex nipproteġu dawk li għandna u jiżdiedu oħrajn ġodda. 

Sinjuri,

L-istatistika tkompli tikkonferma kemm dan is-settur kompla miexi ‘l quddiem.

Iż-żgħażagħ u l-ħaddiema li komplew isibu xogħol u xogħol aħjar f’dan is-settur jibqgħu l-aqwa konferma għalina.  Għalhekk il-Gvern immexxi minni se jkompli jinvesti fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna.  L-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta tas-suċċess ta’ dan is-settur u ta’ pajjiżna.

Illejla, bil-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju l-ġdid, il-Lombard Bank qiegħed jikkonferma l-potenzjal ta’ dan is-settur li jkompli jikber u joħloq aktar xogħol.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow