L-2012 KIENET SENA OĦRA REKORD GĦAS-SETTUR TURISTIKU
Is-sena li għaddiet ġew aktar minn 1.4 miljun turist li nefqu aktar minn €1.3 biljun f’pajjiżna
Is-sena li għaddiet kienet sena oħra rekord għas-settur turistiku. B’hekk fl-aħħar ħames snin pajjiżna kellu erba’ snin rekord. Dawn ir-riżultati issarrfu f’ekonomija iktar b’saħħitha u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi.
Statistika ppublikata llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li fl-2012 ġew Malta 1,454,400 turist, li jfisser żieda ta’ 28,990 (+2%) turist fuq l-2011. Dan huwa l-ogħla numru ta’ turisti li qatt ġie f’Malta.
Fl-2012, it-turisti qattgħu aktar minn 12.6 miljun lejl, żieda ta’ madwar 916,000 lejl (+7.8%)fuq l-2011 u nefqu aktar minn €1.3 biljun, żieda ta’ aktar minn €110 miljun (+9%) fuq in-nefqa tat-turisti fl-2011. B’hekk fl-2012, pajjiżna reġa kellu riżultati rekord fit-tlett indikaturi ewlenin tas-settur turistiku li huma n-numru ta’ turisti, l-iljieli li qatgħu f’pajjiżna u n-nefqa tagħhom f’Malta li fl-aħħarnett tissarraf f’kummerċ għal diversi operaturi turistiċi, ħwienet u negozji oħra u fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi.
L-istatistika tal-NSO turi li Diċembru li għadda kien id-disa’ xahar rekord konsekuttiv fl-2012. F’Diċembru li għadda ġew Malta 61,373 turist, li jfisser żieda ta’ 6,471 (+11.8%) turist fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet. F’Diċembru 2012, it-turisti qattgħu aktar minn 638,000 lejl, żieda ta’ aktar minn 147,000 (+30%) lejl fuq Diċembru 2011 u nefqu madwar €55 miljun, żieda ta’ madwar €15-il-miljun (+36.3%) fuq in-nefqa tat-turisti fl-2011.
Dawn ir-riżultati juru li l-politika tal-Gvern għat-turiżmu ibbażata fuq investiment fil-prodott, l-aċċessibilita’ u l-promozzjoni hija politika għaqlija li qed tissarraf f’ġid u kwalita’ ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti. Fl-aħħar snin il-Gvern investa fi skemi li jsaħħu l-prodott u s-servizz turistiku kif ukoll fi proġetti kapitali, infrastrutturali u fi spazji miftuħa li jsebbħu d-dehra ta’ pajjiżna u l-ambjent li ngħixu fih. Il-Gvern żied ukoll ir-rotot minn 56 fl-2008 għal 81 fl-2012 u kompla jinvesti fi promozzjoni efftiva barra minn pajjiżna.
Il-Gvern jirikonoxxi wkoll s-sehem siewi tal-operaturi turistiċi u l-stakeholders li ħadmu b’koperazzjoni effettiva biex pajjiżna jġib riżultati pożittivi fis-settur turistiku għal sena wara l-oħra. Il-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jaħdem id f’id mal-istakeholders u biex iwettaq il-proposti fil-Politika tat-Turiżmu (2012-2016) sabiex pajjiżna jibqa’ jsaħħaħ dan is-settur li jissarraf f’benefiċċji ekonomiċi, fil-ħolqien tax-xoghol u fi kwalita’ ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en