INAWGURAT SERVIZZ ĠDID KONTRA L-UĠIEGĦ KRONIKU ĠEWWA L-ISPTAR MATER DEI
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità, l-Onor. Joseph Cassar, dalgħodu inawgura servizz ġdid li beda jingħata ġewwa l-Isptar Mater Dei. Dan is-servizz jismu Dorsal Column Stimulation u qiegħed jiġi offrut lill-pazjenti li jbatu minn uġiegħ kroniku.
L-Onor. Cassar spjega kif illum, pazjent li jbati minn uġiegħ kroniku, jiġifieri uġiegħ li l-pazjent ikun ilu jsofri minnu għal żmien twil u li b’kawża t’hekk ikun ta’ detriment sabiex jgħix ħajja normali, illum jista’ jgawdi minn dan l-intervent mediku ġdid. Il-Ministru Cassar iddeskriva dan l-uġiegħ bħala diżabilità li ma tidhirx u f’ċertu każijiet, dan l-uġiegħ jimpedixxi lill-persuna milli jkompli bil-ħajja tiegħu ta’ kuljum u saħansitra, ma jkunx jista’ jagħmel attività normali bħalma hija li tmur għax-xogħol. Apparti mit-tbatija li jkun għaddej minna l-pazjent ibatu wkoll il-familjari.
Dan l-intervent ġdid ikompli jirrifletti b’mod ċar l-impenn kontinwu tal-Gvern sabiex kulħadd ikun jista’ jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar, anke dawk li jbatu minn uġiegħ kroniku. Dan is-servizz però ma jiġix b’xejn, u jiswa lill-Gvern madwar €35,000 kull impjant biex jinxtara l-apparat meħtieġ. Dan l-intervent jikkonsisti billi jsir impjant fil-pazjent li jitfa’ sinjali lill-ispina dorsali sabiex jittaffa l-uġiegħ. Il-Pazjent ikollu wkoll kontroll fuq il-frekwenza u s-saħħa ta’ dawn is-sinjali, skont l-uġiegħ li jkun qiegħed iħoss.
Il-Ministru Cassar għalaq billi rringrazzja lit-team kollu tal-Pain Clinic tal-ħidma tagħhom bla waqfien sabiex jiżguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għall-pazjenti li jbatu minn uġiegħ serju.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en