8000 PERSUNA SE JINGĦATAW TAĦRIĠ BIEX ISIBU XOGĦOL JEW JIBDLU GĦAL XOGĦOL AĦJAR
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina u ċ-Chairperson tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, Sandra Sladden dal-għodu nidew il-programm “Enhancing Employability Through Training li permezz tiegħu aktar minn 8,000 persuna se jingħataw l-opportunita’ ta’ taħriġ li jgħinhom isibu mpjieg jew itejjbu l-impjieg tagħhom, permezz ta’ programm li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ se tagħmel b’fondi miksuba mill-Unjoni Ewropea. Dan il-programm se jiswa madwar €3.5 miljun.
Il-Programm “Enhancing Employability through Training” għandu jkompli jgħin biex il-pajjiż jibqa’ jkollu ħaddiema mħarrġa u kapaċi jaħtfu l-opportunitajiet ta’ mpjieg li rridu nkomplu noħolqu fis-snin li ġejjin.
Meta kienet qed tniedi l-programm il-Ministru Dolores Cristina qalet li l-Gvern dejjem għamel għażliet responsabbli għax jagħraf li biex pajjiżna jegħleb il-maltemp ekonomiku, hemm bżonn ta’ politika soda li tħares b’kontinwita’ lejn it-taħriġ, l-investiment, il-ħolqien tax-xogħol, il-flessibilita’ fuq il-post tax-xogħol u s-sostenibilita fix-xogħol.
Il-Korporazzjoni gax-Xogħol u t-Taħriġ għandha sehem importanti biex jintlaħqu l-miri li għandu l-pajjiż fil-qasam tax-xogħol, speċjalment fejn jidħol it-taħriġ ta’ nies biex jidħlu fil-qasam tax-xogħol. Il-ħidma tal-ETC diġa għenet biex intlaħqu r-riżultati.
F’dawn l-aħħar snin il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ investiet f’żewġ programmi mill-Fond Soċjali Ewropej bl-għan li tkompli twessa’ l-opportunitajiet ta’ żvilupp ta’ ħiliet u kompetenzi. Permezz tal-Employability Programme b’investiment ta’ aktar minn €5 miljun u t-Training Aid Framework li jlaħħaq investiment ta’ madwar €9 miljun, numru sostanzjali ta’ persuni ingħataw taħriġ. Bejn l-2008 u l-2012, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ħarrġet aktar minn 41,000 persuna.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol elenkat ir-riżultati miksuba mill-ħidma tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ u l-programmi li offriet.
Żieda fin-numru ta’ nies li huma impjegati bi qliegħ
Fil-waqt li fl-2002 kien hemm 137,863 persuna taħdem, illum il-ġurnata għandna 152,618.
Mis-sena l-oħra ’l hawn kien hemm żieda ta’ ’l fuq minn 2,000 persuna fis-suq tax-xogħol.
Iż-żieda fin-numru ta’ nies jaħdmu bi qligħ flimkien mal-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ġodda li jiġu wara irtirar jew riżenji wasslu biex l-ammont ta’ postijiet tax-xogħol ġodda li nħolqu tela’ għal iktar minn 20,000 impjieg.
Barra minn hekk, grazzi għal għajnuna diretta, dan il-Gvern kien kapaċi jsalva 5,000 post tax-xogħol biex minnflok is-sidien tal-fabbriki keċċew lill-ħaddiema tagħhom, komplew jinvestu biex ikabbru s-suq tagħhom.
Ir-rata ta’ qgħad:
Malta tinsab fil-ħames post fost il-pajjiżi bl-anqas rata ta’ qgħad mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, b’medja ta’ 6.5 fil-mija meta komparata ma’ medja ta’ 10.6 fil-mija fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u 11.7 fil-mija fil-pajjiżi taż-żona Ewro, Malta hija fost dawk il-pajjiżi li grazzi għall-miżuri bil-għaqal irnexxielha żżomm il-qgħad f’livelli baxxi.
Fejn tidħol ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, Malta tinsab fir-raba’ post bl-anqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. B’rata ta’ 13.7 fil-mija meta kkumparata ma’ 21.4 fil-mija li hija l-medja tal-Unjoni Ewropea.
Fl-erba’ snin li għaddew il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ sabet impjieg għal aktar minn 15,000 persuna.
Żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol:
Bejn l-2002 u l-2012, ir-rata ta’ xogħol tan-nisa żdiedet b’6.7 fil-mija, meta kkomparata ma’ rata ta’ tkabbir ta’ 4 fil-mija fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex fil-waqt li fl-2002 il-parteċipazzjoni tal-mara fis-suq tax-xogħol kienet tlaħħaq għal 34.3 fil-mija, fl-2011 din telgħet għal 41 fil-mija. L-indikazzjonijiet juru li din ir-rata se tkompli tiela’ u fil-fatt mill-aħħar figura maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jidher li din ir-rata telgħet għal 43.9 fil-mija.
Din iż-żieda hija possibbli permezz ta’ pjan strateġiku li dan il-Gvern fassal biex joffri opportunitajiet lin-nisa biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, fil-waqt li jindirizza l-ostakli li kienu qed ixekklu din il-parteċipazzjoni. Fl-aħħar snin, il-Gvern kompla jinvesti biex ikollna iktar miżuri ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Fost il-miżuri adottati insibu l-leave tal-maternita, il-flexitime, ir-reduced hours, it-teleworking, u l-jobsharing.
Bejn l-2006 u l-2010, in-numru ta’ ħaddiema fis-settur pubblika li għamlu użu minn xi miżura favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja iktar minn irdoppja. Dan minbarra l-investiment li sar biex ftaħna numru ta’ child care centres, b’investiment li’ 1.5 miljun Ewro li jfisser żieda ta’ ħames darbiet iktar fuq medda ta’ ħames snin. U fil-jiem li ġejjin se niftħu żewġ ċentri oħra.
Investejna wkoll fi programmi ta’ wara l-ħin tal-iskola – Klabb 3-16, bl-iskop li fil-ħin li l-ġenituri jkunu qegħdin ix-xogħol, uliedhom ikunu qegħdin isegwu programmi li joffru edukazzjoni, kreattivita u divertiment.
Żieda fir-rata ta’ anzjani li jaħdmu bi qligħ:
Matul din il-leġislatura, dan il-Gvern ħadem bis-sħiħ biex persuni akbar fl-eta’ jkollhom l-opportunita’ li jibqgħu jaħdmu meta jilħqu l-eta’ ta’ irtirar mingħajr ma jitilfu l-pensjoni tagħhom.
Bħalissa hemm aktar minn 10,000 persuna anzjana li qed taħdem bi qligħ.
L-istatistika turi li fl-aħħar snin, dawk li għandhom bejn is-60 u l-64 sena, żdiedu minn 10.8 fil-mija fis-sena 2000 għal 14.2 fil-mija fis-sena 2010, żieda ta’ 3.4 fil-mija.
(5) Taħriġ ta’ Ħiliet u Kompetenzi:
Bl-għan li żżid l-opportunitajiet ta’ dawk li huma akbar fl-eta biex jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ toffri diversi programmi ta’ taħriġ. Matul l-2011 kien hemm kważi 6,000 persuna li għandha 40 sena jew aktar li attendew kors tal-ETC. Dan ifisser żieda ta’ aktar mid-doppju fuq is-sena 2007/2008 fejn kien hemm 2,415 persuna ta’ aktar minn 40 sena li kienet qed tattendi kors tal-ETC.
Fl-aħħar snin, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ offriet numru ta’ inizjattivi u miżuri biex persuni vulnerabbli jingħataw l-opportunita li jidħlu fid-dinja ta-xogħol. Fost dawn il-miżuri, insibu:
• Community Work Scheme li hija mmirata lejn persuni li ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal ammont ta’snin. Taħt din l-iskema, il-kunsilli lokali u l-organizzazzjonijiet volontarji jistgħu japplikaw sabiex issir ħidma fil-lokalita jew fl-organizzazzjoni għal 30 siegħa fil-ġimgħa għal perjodu ta’ sitt xhur. Min jipparteċipa f’din l-iskema jieħu żieda fil-benefiċċji soċjali sabiex tintlaħaq 75 fil-mija tal-paga minima nazzjonali.
• Employment Support for Persons with Disabilities: Dan il-programm huwa mfassal sabiex jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilita fil-qasam tax-xogħol. Din l-iskema tipprovdi taħriġ sabiex persuni b’diżabilita jakkwistaw indipendenza finanzjarja u jkollhom għażla aktar wiesa’ ta’ opportunitajiet tax-xogħol.
• ME2: Permezz tal-programm ME2, persuni b’diżabilita ingħataw esperjenza ta’ xogħol bl-għan li jtejjbu l-ħiliet tagħhom fil-qasam tax-xogħol. F’dan il-proġett ħadu sehem 18 –il entita pubblika u 32 kumpanija privata. Grazzi għall-parteċipazzjoni ta’ dawn l-entitajiet 64 persuna b’diżabilita ingħataw esperjenza ta’ xogħol.
• Community Inclusive Employment Scheme: Permezz ta’ din l-iskema li tnediet mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ flimkien mal-kunsilli lokali, persuni b’diżabilita għandhom l-opportunita li jagħmlu xogħol fil-lokalita għal mhux aktar minn tliet snin. Il-persuna b’diżabilita jitħallsu bil-paga minima pro-rata skont is-siegħat li jaħdmu, fil-waqt li jibqgħu jieħdu l-pensjoni tad-diżabilita.
• Work Trial Scheme: Permezz ta’ din l-iskema bosta persuni li jkunu meqjusa vulnerabbli fis-suq tax-xogħol jingħataw l-opportunita li jqattgħu 20 siegħa fil-ġimgħa fuq il-post tax-xogħol għal tlettax –il ġimgħa. Barra l-esperjenza li jiksbu matul dan il-perjodu, huma jirċievu wkoll allowance ta’ 50 fil-mija tal-paga minima.
Il-Gvern impenjat li jkompli jsaħħaħ dawn il-programm tant li fil-Baġit ta’ din is-sena, li ma kienx approvat, kompla jsaħħaħ il-programmi ddedikati għat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi permezz ta’ diversi miżuri. Fosthom insibu:
• Skema tal-Apprendistat: Wara s-suċċess ta’ dan il-programm fejn fl-aħħar erba’ snin, 2,800 apprendist fl-MCAST jew l-ITS flimkien mal-ETC ingħataw taħriġ fuq il-post tax-xogħol skont l-inklinazzjonijiet tagħhom u 70 fil-mija tal-apprendisti sabu impjieg ma’ min iħarriġhom stess, dan il-Gvern għażel li jkompli jwessa’ dan il-programm. Permezz ta’ hekk issa l-programm ta’ apprendistat se jkun estiż għal aktar setturi u aktar livelli; il-Gvern ser iħallas il-bolla flok min jimpjega; l-istudenti se jkollhom żieda fl-istipendju; dawk l-istudenti li jagħżlu settur li hemm iktar domanda għaliha jingħataw €20 oħra fuq iż-żieda mħabbra.
• Active: din l-iskema hija mmirata għal dawk kollha li għandhom bejn is-16 u l-24 sena u li qed jirreġistraw għax-xogħol. Permezz ta’ din l-iskema dawn iż-żgħażagħ se jingħataw taħriġ, gwida dwar ix-xogħol u l-ħiliet tagħhom, kif ukoll esperjenza ta’ xogħol li tasal sa tlettax –il ġimgħa fejn se jkunu qed jieħdu pro-rata tal-paga minima għall-20 siegħa fil-ġimgħa li se jkunu qegħdin fuq il-post tax-xogħol.
• Skema tal-Imprenditorija: Din l-iskema li se tkun miftuħa kemm għal dawk iż-żgħażagħ li qed jirreġistraw, kif ukoll għal studenti se tagħti inċentiv biex żgħażagħ jidħlu fi proġett ta’ imprenditorija. L-applikantt se jkollu għażla li jiftaħ impjieg għal rasu jew li jingħaqad f’koperattiva. Kull parteċipant se jkun qed jingħata taħriġ bażiku u mentoring u dawk li jsegqu l-iskema b’suċċess se jieħdu start-up grant. Is-servizzi ta’ mentoring se jkunu offruti kemm waqt it-tfassil tal-proġett kif ukoll wara. Dawk li jħaddmu magħhom sa tliet persuni se jkunu intitolati wkoll għal tnaqqis fil-bolla.
• Job Bridge: Dan il-programm li nidejna nhar it-Tnejn li għadda f’Pembroke, ser ikun qed jassisti persuni b’diżabilita severa billi jħarriġhom fil-ħiliet u l-kompetenzi neċessarji fis-suq tax-xogħol. Il-parteċipanti ta’ din l-iskema se jkunu intitolati għal stipendju.
• Taħriġ għal Persuni li qegħdin fuq il-Minimum Wage: Wara li s-sena l-oħra ġiet imnedija l-iskema li tagħti €100 fix-xahar lil dawk kollha li qegħdin fuq il-minimum wage u li qed isegwu kors ta’ taħriġ. Hemm il-ħsieb li din l-iskema tkun estiża biex tilħaq aktar faxex ta’ nies u allura kulmin għandu paga li ma taqbiżx it-€300 fil-ġimgħa mix-xogħol fuq bażi full-time jew part-time se jkun eliġibbli biex jieħu €100 fix-xahar jekk jieħu sehem f’taħriġ marbut max-xogħol.
Il-Ministru Cristina temmet tgħid li hi fiduċjuża li dan il-programm se jkompli jagħti kompetenzi ġodda lill-ħaddiema tagħna biex jgħinhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew itejjbu l-impjieg li diġa’ għandhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en