ĊERTIFIKAT INTERNAZZJONALI GĦALL-ISPIZERIJA TAL-GĦAZLA TIEGĦEK U ROĦS TA’ AKTAR MEDIĊINI LI MINNHOM IGAWDI U JIBBENEFIKA L-POPLU MALTI U GĦAWDXI
F’ċerimonja qasira li saret dalgħodu fl-uffiċini tal-ispizerija tal-għazla tieghek fi G’Mangia, l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi ppreżenta ċ-ċertfikat ISO 9001 li huwa rikonuxxut fuq livell internazzjonali. Preżenti ghal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Joe Cassar.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li r-riżultati ewlenin minn 42 studju xjentifiku juru illi meta timplimenta dan l-Istandard tabilħaqq wieħed itejjeb il-prestazzjoni kompetittiva u finanzjarja tiegħu billi jkun hemm garanzija ta’ konsistenza, jitbaxxew l-ispejjez permezz ta' titjib tal-kwalità interna u jkun hemm tweġiba aħjar għall-problemi tal-kwalità. Barra minn dan, qal li dan l-Istandard jagħmel enfasi fuq it-titjib tas-sodisfazzjon tal-klijent, u b'hekk jkun hemm aktar ordnijiet.
Spjega li statistika mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Istandards (ISO) turi li aktar minn miljun organizzazzjonijiet f’178 pajjiż kisbu ċertifikazzjoni ISO 9001 għal immaniġjar ta’ sistemi ta’ kwalità. F'Malta hawn madwar 370 kumpanija ċċertifikata għal dan l-istandard internazzjonali. Il-Ministru spjega kif l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur hija l’unika organizzazzjoni Maltija li hija akkreditata li toffri ċertifikazzjoni tal-ISO 9001. Fi żmien qasir, l-Awtorità se tibda tipprovdi servizzi ta’ ċertifikazzjoni għal OHSA 18001 li huwa standard rikonoxxut internazzjonalment dwar l-immaniġjar tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.
Il-Ministru Azzopardi qal ukoll li l-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji ż-Żgħar u l-Konsumaturi jappoġġa b’ħerqa l-adozzjoni ta' dan l-istandard speċjalment mill-SMEs peress li dan jista’ jgħinhom f’rizultati finanzjarji aħjar. ISO 9001 hija wkoll ta' spiss importanti għall-SMEs biex jiżdied il-potenzjal ta' esportazzjoni tagħhom billi ċ-ċertifikazzjoni tpoġġihom f’pożizzjoni kompetittivà aħjar ma’ kumpaniji simili f’pajjiżi oħra.
ISO 9001 jista’ jintuża minn kwalunkwe organizzazzjoni, kbira jew żgħira, irrispettivament minn natura tax-xogħol. L-istandard huwa bbażat fuq numru ta' prinċipji ta' mmaniġjar tal-kwalità inkluż enfasi qawwija fuq il-klijentela, il-motivazzjoni u l-implikazzjoni ta' amministrazzjoni għolja tajba u t-titjib kontinwu.
POYC aktar kmieni din is-sena għażlet lill-MCCAA biex tivverifika l-proċeduri tagħha u li dawn jissodisfaw r-rekwiżiti kollha tal-Istandard. L-MCCAA sabet li POYC tilħaq b’mod sodisfaċenti ħafna it-talbiet tal-istandard u għalhekk ħarġet iċ-Ċertifikat li gie ppreżentat illum. MCCAA se tkompli tivverifika fuq bażi regolari (madwar kull 6 xhur) biex tara li hija iżżomm u ssaħħaħ kontinwament il-kisbiet tagħha.
Il-Ministru Joe Cassar irringrazzja lill ħaddiema u professjonisti li ħadmu biex din l-iskema tkompli tinfirex u filfatt issa ngħalaq il-proċess kollu, li jfisser li l-iskema tal-POYC hi estiża għall-pajjiż kollu. Joe Cassar qal li dan kien proġett li inbeda bħala proġett pilota f’Diċembru 2007 u llum huwa mifrux f’70 lokalita, u qiegħed jiġi offrut minn 208 spiżerija.
Filwaqt li bħalissa hemm 92,500 persuna li qed jiġbru l-mediċini b’xejn minn dawn l-ispiżerija, dan in-numru mistenni jitla għal 120,000 fil-jiem li ġejjin, hekk kif il-proċess jitlesta kompletament.
Il-Ministru Cassar fakkar li oriġinarjament dawn il-persuni kienu jinqdew minn ħames spiżeriji biss.
Intant dalgħodu wkoll gie mħabbar roħs fuq numru ta’ mediċini. Dan ir-roħs sostna l-Ministru Azzopardi se jkun qed jgħin lil aktar familji jgħixu ħajja ta’ kwalità aħjar li se jiggarantilhom aktar flus fil-but tagħhom. Qal li fl-aħħar 5 snin, il-Gvern wasal fi ftehim ma’ diversi importaturi sabiex jorħsu 287 mediċina u sahaq li bħalissa għaddejjin taħditiet oħra sabiex fiz-zmien li ġej ikomplu jorħsu numru ta’ mediċini oħra. It-tnaqqis ta’ dawn il-mediċini mhabbar llum jlaħħaq roħs sa 43%.
Ir-roħs fil-mediċini huma s-sussegwenti:
Mediċina | Il-prezz l-antik | Il-prezz il-ġdid | Użu | |
€ | € | |||
Ceclor | 500mg tablets x 10 | 14.56 | 13.80 | antibijotiku |
Ceclor | 750mg tablets x 10 | 19.90 | 18.95 | antibijotiku |
Ceclor | powder for 125mg/100ml oral suspension | 8.11 | 7.70 | antibijotiku |
Flucozal | 150mg capsule x 1 | 9.48 | 8.95 | għall-fungal infeċtions |
Fortum | 1g powder for solution for injection x 1 vial | 20.50 | 19.51 | antibijotiku |
Keflex | 500mg tablets x 20 | 10.98 | 10.45 | antibijotiku |
Mirena with Evoinserter | 20 miċrograms/24 hours intrauterine delivery system | 196.73 | 192.73 | kontraċettiv |
Mivacron | 10mg/5ml solution for injections x 5 ampoules | 25.46 | 24.80 | rilassant tal-muskoli għall-waqt interventi kirurġiċi |
Seretide Diskus | 50µg/100µg/m.d. Inhaler x 60 m.d. X 1 inhaler | 34.80 | 32.88 | għall-kundizzjonijiet respiratorji |
Tyverb | 250mg film-coated tablets x 70 | 1580.00 | 1419.00 | għall-kanċer tas-sider |
Xarelto | 10mg film-coated tablets x 10 | 62.91 | 35.83 | anticoagulant |
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en