Left arrow Go Back

45 PROĠETT TA’ GĦAQDIET MHUX GOVERNATTIVI B’VALUR TA’ €12-IL MILJUN

pr0130
Date Icon 28/01/2013

Permezz tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Għaqdiet Mhux Governattivi mill-2009 sal-lum il-Gvern għen l-iffinanzjar ta’ 45 proġett li twettqu jew qed jitwettqu minn għaqdiet mhux governattivi u li għalihom akkwistaw fondi mill-UE. Il-valur totali ta’ dawn il-proġetti jaqbeż it-€12-il miljun.

Dan qalu l-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, fil-preżentazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja mill-Gvern lil 14-il għaqda li bħalissa qed iwettqu 16-il proġett b’valur totali ta’ €3.5 miljun. Il-ġimgħa li għaddiet il-Ministru Said ippreżenta għajnuna simili lil żewġ għaqdiet volontarji Għawdxin li bejniethom qed iwettqu proġetti b’valur ta’ €1.5 miljun.

Chris Said fakkar kif il-Gvern fittex li jgħin lill-għaqdiet volontarji, l-istess bħall-kunsilli lokali, jisfruttaw bl-aħjar mod l-opportunitajiet ta’ fondi mill-UE, u minbarra li fl-2008 waqqaf il-MEUSAC biex fost l-oħrajn jagħti informazzjoni u pariri dwar fondi tal-UE, ħoloq ukoll żewġ fondi ta’ ko-finanzjament – wieħed għall-għaqdiet u l-ieħor għall-kunsilli lokali – biex permezz tagħhom jgħin lil dawn l-entitajiet ikopru l-parti tal-ispejjeż meħtieġa li l-UE, fl-għoti ta’ fondi tagħha, ma tkoprix.

Dott. Vanni Xuereb, kap tal-MEUSAC, enfasizza kif il-MEUSAC għen fil-proċess ta’ sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal għaxra mis-16-il proġett li qed igawdu mill-Fond ta’ Ko-finanzjament għall-NGOs. Bl-għajnuna tal-MEUSAC minn mindu reġa’ twaqqaf f’Lulju tal-2008 l-għaqdiet mhux governattivi ħadu mal-€5.8 miljun f’fondi mill-UE għal 61 proġett li qed jitwettqu bħalissa. Hu rringrazzja lit-tim iddedikat u professjonali fil-MEUSAC li jaħdem fuq dawn l-applikazzjonijiet. Spjega wkoll fiex tikkonsisti l-assistenza li jingħataw l-NGOs fejn jidħlu l-fondi tal-UE.

Il-preżentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet saret fil-Mosta Youth Empowerment Centre li wettaq inizjattivi fost iż-żgħażagħ b’rabta ma’ iktar għarfien dwar l-ambjent u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet.

Minbarra Mosta Youth Empowerment Centre, l-għaqdiet l-oħra li ngħataw għajnuna finanzjarja llum huma:

- Richmond Foundation bil-proġett tagħha ta’ riċerka dwar gruppi żvantaġġjati, b’mod partikolari dawk bi problemi mentali, u r-relazzjoni tagħhom mad-dinja tax-xogħol;

- Society of Contemporary Arts b’żewġ proġetti, wieħed li jippromwovi l-inklużjoni u saħħa mentali aħjar bl-użu tad-drama u l-arti, u l-ieħor li jippromwovi t-teatru f’Malta;

- Down Syndrome Association li wettqu programm ta’ attivitajiet indirizzati lejn persuni b’diżabilita’ intellettwali;

- Mental Health Association Malta bi proġett li jgħin fit-tisħiħ tal-organizzazzjoni u l-attivitajiet tagħha;

- SOS Malta u SOS b’żewġ proġetti li jitrattaw l-iżvilupp ta’ rakkomandazzjonijiet favur iktar rispett lejn kulturi differenti f’Malta, u attivitajiet li jinkoraġixxu dan fost iż-żgħażagħ;

- L-organizzazzjoni Kopin bi proġett li jġib flimkien għaqdiet u Universitajiet fil-ġlieda kontra l-faqar dinji;

- Is-Soċjeta’ Turistika Maltija bi proġett li jsaħħaħ is-servizzi turistiċi b’mod partikolari bil-ħolqien ta’ inizjattivi fi Sqallija u f’Malta;

- Permaculture Research Foundation b’kampanja edukattiva dwar l-agrikoltura;

- Sisters of the Charity of St Jeanne Antide li ntroduċew sistemi fotovoltajċi f’żewġ skejjel tagħhom;

- Daughters of the Sacred Heart bl-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi u sistemi ta’ solar water heaters f’żewġ binjiet tagħhom;

- Sliema Band Club bl-installazzjoni ta’ sistemi ta’ enerġija rinnovabbli fil-bini tal-każin tal-banda;

- Malta Association for Contemporary Music bi proġett li jħares lejn il-mużika Maltija f’kuntest tal-mużika Ewropea;

- U Fondazzjoni Wirt Artna bl-ikbar proġett magħmul minn għaqda mhux governattiva fis-settur tal-wirt kulturali bir-restawr tas-Saluting Battery, il-Mużew “Malta at War” u dawk li kienu l-Headquarters tal-Gwerra.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow