DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU WAQT L-INAWGURAZZJONI TA' JOB BRIDGE, PEMBROKE - IT-TNEJN 28 TA' JANNAR 2013
Sur Chairman, Onorevoli Ministri, Mistiedna distinti, Sinjuri,
Huwa ta' pjaċir u ta' sodisfazzjon kbir għalija li f'inqas minn ġimgħa qiegħed ninawgura proġett ieħor għall-persuni b'diżabbiltà mibni fuq il-prinċipju tal-inklużjoni. Nemmnu bis-sħiħ li kull persuna għandha d-dritt li tipparteċipa fis-soċjetà u nemmnu wisq aktar li s-soċjetà trid tilqa’ fi ħdanha kull persuna.
L-inawgurazzjoni tal-lum mhux biss tixhed dan l-impenn, imma hi ħolqa oħra f'katina sħiħa ta' proġetti u inizjattivi favur l-inklużjoni. Job Bridge jixhed l-impenn tal-Gvern permezz tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ lejn l-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà fid-dinja tax-xogħol.
Tul dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern poġġa l-inklużjoni fil-qalba tal-politika tiegħu. L-inklużjoni mhux biss fix-xogħol imma fis-soċjetà kollha. Il-Gvern jemmen li jrid ikun ta' spalla għall-familji ta’ persuni b'diżabbiltà. Nemmnu li rridu noffru s-sapport, l-appoġġ u l-għajnuna kollha tagħna permezz ta' inizjattivi u programmi sabiex tul il-kors tal-ħajja tagħhom, persuni b'diżabbiltà jkunu parteċipi fis-soċjetà tagħna.
Hekk għamilna u hekk se nkomplu nagħmlu. B'sodisfazzjoni nista’ ngħid li llum aktar minn qatt qabel qegħdin noffru għajnuna diretta u personali tul l-istadji differenti tal-ħajja. Qegħdin nakkumpanjaw lil persuni b'diżabbiltà u l-familji tagħhom tul ħajjithom.
Minn età żgħira, is-sistema edukattiva ta' pajjiżna qiegħda toffri s-sapport kif ukoll programmi ta’ tagħlim personalizzat għal numru dejjem jikber ta' tfal b'diżabbiltà. Nedejna s-servizz ta' Early Intervention għat-tfal ta' anqas minn ħames snin u tul l-2012 dan is-servizz ingħata lil aktar minn 690 tifel u tifla. Hekk kif it-tfal jibdew jikbru, jibbenefikaw mis-servizz tal-Learning Support Assistants. Fl-iskejjel tal-Gvern illum għandna 2,821 tifel u tifla li għandhom Learning Support Assistant magħhom. Il-Gvern iħallas ukoll għall-LSAs li għandhom 900 tifel u tifla fl-iskola tal-Knisja u 120 oħra fl-iskejjel privati. Fl-istess ħin ġew impjegati aktar minn 80 professjonist sabiex jaħdmu mat-tfal fl-iskejjel tagħna. Investejna fit-teknoloġija assistiva u llum studenti b'diżabbiltà jistgħu jitgħallmu permezz ta' software speċjalizzat.
Minn Marzu tal-2010 ġiet fis-seħħ ir-riforma tal-iskejjel speċjali li issa nbidlu f'ċentri ta' riżorsi edukattivi. L-għan hu li dawn iċ-ċentri jipprovdu programmi adattati skont l-età tal-istudenti b'diżabbiltà. Gvern immexxi minni huwa kommess li jibni żewġ ċentri oħra f'Raħal Ġdid u fil-Ħamrun. Permezz tas-sistema tal-Kulleġġi, Malta hi fost l-aqwa pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fl-inklużjoni tat-tfal fl-iskejjel mainstream. F'pajjiżna, 0.3% biss tat-tfal bi bżonnijiet speċjali jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fi skejjel barra mill-mainstream. Il-medja tal-Unjoni Ewropea hi ta' 2.3%.
F'dawn l-aħħar ħames snin, żgħażagħ b'diżabbiltà għandhom iktar opportunitajiet li jkomplu l-istudji post-sekondarji tagħhom. Qed tingħata għajnuna individwali biex jattendu korsijiet fi skejjel u istituzzjonijiet post sekondarji. L-MCAST, permezz tal-programm Pathways, toffri korsijiet għal żgħażagħ b'diżabbiltà u ħtiġiet speċjali. Minn żewġ studenti fl-2004, illum għandna aktar minn 25 student.
Sinjuri,
Ix-xogħol jagħti d-dinjità lil kull persuna u kull persuna għandha d-dritt li tipparteċipa fid-dinja tax-xogħol. Nemmnu wkoll li x-xogħol joffri l-aqwa opportunità ta' inklużjoni soċjali u l-investiment tagħna f'Job Bridge huwa pass ieħor f'din id-direzzjoni.
Hawn ukoll, il-Gvern nieda numru ta' skemi u programmi sabiex aktar persuni b'diżabbiltà jersqu lejn id-dinja tax-xogħol. Permezz tal-programm ME2, 430 persuna b'diżabbiltà ngħataw esperjenza ta' xogħol b'numru minnhom kellhom esperjenza barra minn Malta. Minn dan il-programm nibtet koperattiva li se tkun qed toffri numru ta' servizzi. Permezz tal-Employment Aid Programme, l-ETC sabet impjieg lil 52 persuna b'diżabbiltà bil-Gvern iħallas nofs is-salarju u l-bolla. Permezz tal-programm Bridging the Gap, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ sabet placement lil 37 persuna b'diżabbiltà. Ġiet imnedija skema fejn madwar 80 persuna b'diżabbiltà se jkunu impjegati mal-Kunsilli Lokali. Din l-iskema se tkun qed tiġi estiża għal 150 persuna oħra, b'50 minnhom f'Għawdex.
Il-Job Bridge huwa għalhekk ħolqa oħra f'din il-katina ta' inizjattivi sabiex aktar persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu jiġu mħarrġa sabiex isibu impjieg. Dawn huma kollha provi ta' kemm il-Gvern jemmen fil-potenzjal u l-kapaċitajiet tal-persuni b'diżabbiltà. Għamilna ħafna. Ma jfissirx li għamilna kollox. Hemm aktar u aktar li rridu nagħmlu.
Sinjuri,
Nifhmu wkoll li l-Gvern għandu d-dmir u l-obbligu li jagħti l-għajnuna u l-appoġġ tiegħu lill-persuni b'diżabbiltà fil-komunitajiet. Il-ġimgħa li għaddiet kelli l-privileġġ li ninawgura l-uffiċini l-ġodda tal-Aġenzija Sapport li qed tagħti kontribut importanti ferm fit-twettiq tal-viżjoni tagħna għall-persuni b'diżabbiltà. Permezz tas-servizzi tagħha, l-Aġenzija tilħaq aktar minn 788 persuna kull ġimgħa bi 370 ħaddiem. Dan jinkludi wkoll is-servizzi ta' matul il-jum li qed jingħataw minn 9 ċentri mifruxin madwar Malta.
Nifhmu wkoll li numru ta' persuni b'diżabbiltà jkollhom bżonn ukoll servizz residenzjali. Hawn ukoll il-Gvern qiegħed joffri l-appoġġ tiegħu. Permezz ta’ għajnuna diretta u indiretta lil numru ta' għaqdiet volontarji, il-Gvern qiegħed joffri aktar minn 160 post residenzjali f'31 dar fil-komunità bi pjanijiet ta' dar f'Għawdex. Dawn irridu nżiduhom.
Sinjuri,
Il-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fil-persuni d'diżabbiltà u fil-familji tagħna. Minkejja l-isfidi, qegħdin noffru l-appoġġ tagħna f'kull stadju tal-ħajja bl-għan aħħari tkun l-inklużjoni soċjali. Job Bridge jixhed dan l-impenn tagħna lejn l-inklużjoni permezz tax-xogħol.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en