IL-KUMMISSARJU EWROPEW GĦAS-SAĦĦA U L-POLITIKA TAL-KONSUMATUR, DOTT. TONIO BORG, JINDIRIZZA L-MEMBRI TAL-CORE GROUP TAL-MEUSAC
Għall-ewwel darba minn meta nħatar bħala membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Politika tas-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Dott. Tonio Borg indirizza laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC. Fl-ewwel laqgħa tal-Core Group għal din is-sena, li saret illum, Dott. Borg ippreżenta u iddiskuta t-temi ewlenin li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Fid-diskors tiegħu, il-Kummissarju Borg qal li l-portafoll tiegħu huwa maqsum fi tliet setturi li huma s-saħħa, l-affarijiet tal-konsumatur u s-sigurtà fl-ikel. Huwa ta ħarsa lejn l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ dawn it-tliet oqsma u spjega kif se jkun qed iwettaq il-ħidma tiegħu fix-xhur li ġejjin. Qal li l-oqsma li hu responsabbli minnhom huma l-oqsma taċ-ċittadini għaliex jolqtu direttament il-ħajja ta’ kuljum.
Il-Konsumatur
Meta ttratta l-qasam tal-konsumatur, il-Kummissarju Borg qal li għadha kif għaddiet il-liġi dwar l-hekk imsejħa ‘alternative dispute resolution’, li mistennija tiġi estiża għax-xiri onlajn. Proposta li mistenni jressaq il-Kummissarju Borg f’Marzu li ġej tittratta d-direttiva dwar il-kontijiet bankarji, intiża li telimina l-ostakli meta wieħed jiġi biex jibdel il-kontijiet tiegħu minn bank għall-ieħor; tinħoloq kompetizzjoni f’qasam fejn ma tantx hemm kompetizzjoni; u tingħata informazzjoni ċara u trasparenti fit-tariffi tal-banek. Tkellem ukoll dwar ir-RAPEX - is-sistema Ewropea li biha l-Istati Membri jaqsmu l-informazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti, bil-Kummissarju Borg jgħid li fi Frar se jitressqu proposti biex issir reviżjoni u regolamentazzjoni dwar is-sigurta’ tal-prodotti għal aktar fiducja mill-konsumatur fis-Suq Intern.
Is-Saħħa
Huwa tkellem fit-tul dwar il-qasam tas-saħħa, li l-Kummissarju Borg qal li dan huwa qasam li jolqot direttament il-ħajja taċ-ċittadini u li għalkemm l-ispiża tal-gvernijiet f’dan il-qasam qiegħda dejjem tikber, jista’ joħloq ħafna opportunitajiet għat-tkabbir tal-ekonomija. Bħala eżempju semma l-eHealth - servizz li iktar ma jikber, iktar jista’ jiffaċilita l-ħajja tan-nies u jnaqqas il-piż fuq il-kura fl-isptarijiet. Tratta wkoll id-direttiva dwar il-kura transkonfinali tas-saħħa li mistennija tidħol fis-seħħ minn Ottubru li ġej. B’din id-direttiva, il-pazjenti li jkunu jridu jagħmlu operazzjoni f’pajjiż ieħor jistgħu jkunu kumpensati għall-ispiża tal-operazzjoni daqslikieku saritilhom f’pajjiżhom. Il-Kummissarju Borg daħal ukoll fid-dettal dwar il-proposti dwar id-direttiva tat-tabakk li adottat il-Kummissjoni Ewropea ftit ġimgħat ilu u li għandha l-għan li fil-5 snin li ġejjin tnaqqas bi 2% l-ammont ta’ nies li jpejpu fl-Unjoni Ewropea. Huwa enfasizza wkoll l-importanza li tibqa’ tkun indirizzata l-problema tat-tipjip li fl-Unjoni Ewropea biss toqtol mas-700,000 persuna fis-sena.
Is-Sigurtà fl-Ikel
Il-Kummissarju Borg għalaq id-diskors tiegħu billi rrefera għal dak li qiegħda tagħmel il-Kummissjoni Ewropea biex tiżdied is-sigurtà fl-ikel b’mod speċjali billi l-konsumaturi jkunu jafu x’ikel qegħdin jieklu.
Fid-diskussjoni, il-membri tal-Core Group qajmu xi punti, fosthom:
• Il-ħtieġa ta’ iktar sorveljanza tas-suq u l-infurzar tar-regolamenti fejn jidħlu l-prodotti tal-ikel, kemm biex tiżdied is-sigurtà għall-konsumaturi u kif ukoll biex titnaqqas il-kompetizzjoni illeċita fl-importazzjoni u fit-trasport tal-istess prodotti;
• is-settur tas-saħħa flok jitqies bħala piż ikun ta’ opportunità għall-ħolqien tal-impjiegi, għal iktar drittijiet tal-pazjenti fl-għażla tal-kura li tingħatalhom, u biex jiġu sfruttati aħjar il-ħiliet tal-professjonijiet mediċi;
• il-kompetizzjoni inġusta għan-negozjanti fis-Suq Intern.
B’reazzjoni, il-Kummissarju Borg qal li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea se tlaqqa’ summit dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur li n-nuqqas tiegħu jħalli impatt negattiv qawwi f’ħafna livelli. Dwar l-impjiegi fis-settur tas-saħħa qal li għalkemm is-servizzi ġodda li qed jinħolqu qed iħaffu l-piż amministrattiv minn fuq il-gvernijiet, xorta waħda qed jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda f’oqsma ġodda bħalma huma dawk konnessi mall-iżviluppi demografiċi. Fil-qasam tas-saħħa, il-linja tal-Kummissjoni Ewropea hi li tindirizza l-kawżi prinċipali tal-mard, jiġifieri: l-konsum tal-ikel, tal-alkoħol u tat-tabakk, u n-nuqqas ta’ attività fiżika. B’rabta mal-kompetizzjoni inġusta, il-Kummissarju Borg wieġeb li s’issa għad m’hemmx liġijiet tal-konsumatur li jirregolaw is-servizzi daqs kemm hemm fil-qasam tal-prodotti, iżda għaddej proċess ta’ konsultazzjoni biex jinstabu modi kif jissaħħaħ iżjed il- qasam tas-servizzi biex in-negozjanti jkollhom iktar ċans jikkompetu fuq livell ġust fis-Suq Intern.
Fl-aħħar tal-laqgħa, il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb informa lill-membri tal-Core Group dwar il-ħidma tal-MEUSAC bħala l-kordinatur nazzjonali għas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 u li din il-ħidma trid issir b’kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili biex jintlaħqu l-għanijiet tas-Sena.
Il-laqgħa tal-Core Group kienet ippreseduta mil-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, Dott. Chris Said.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en