AKTAR INVESTIMENT FIS-SETTUR TAL-MANIFATTURA LI QED IFISSER AKTAR POSTIJIET TAX-XOGĦOL
Matul din il-leġislatura, b’kollox il-Malta Enterprise approvat 167 proġett ġdid jew espansjoni fil-qasam tal-manifattura, b’investiment ta’ 355 miljun Ewro, li se jfissru 3860 impjieg fuq perjodu ta’ tliet snin. Cross Healthcare hu wieħed minn dawn il-proġetti ġodda, li diġà qed ifisser l-opportunità ta’ post tax-xogħol għal 13-il persuna fl-ewwel sentejn sħaħ ta’ operazzjonijiet tal-kumpnija f’Malta. Illum wara nofsinhar, il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech żar din il-kumpanija fil-Mosta Technopark fejn iltaqa’ u tkellem mal-ħaddiema tagħha.
Cross Healthcare timmanifattura prodotti li huma użati l-aktar fl-isptarijiet. Ministru Fenech iddeskriva lil din il-kumpanija bħala waħda mill-istejjer ta’ suċċess ta’ din il-leġislatura, li fi spazju ta’ sentejn, bdiet topera u tħaddem 13-il persuna, fejn anke bbenefikat minn assistenza permezz ta’ fondi lokali u Ewropej indirizzati favur l-impjieg ta’ persuni ta’ aktar minn 45 sena. Dan ippermetta lil kumpanija li tattira lejn is-suq tax-xogħol nisa, b’esperjenza fil-ħjata, billi din is-sengħa hija meħtieġa fl-industrija li topera fiha Cross Healthcare. Waqt iż-żjara, il-General Manager tal-kumpanija, Tanya Parascandolo tkellmet ukoll dwar proġetti ġodda li għandha mħejjija din il-kumpanija li se tkompli tifrex il-prodotti li timmanifatura Malta, li fil-preżent huma esportati lejn sptarijiet fil-Ġermanja.
B’referenza għall-ħaddiema nisa, Tonio Fenech qal li fl-etajiet wara l-25, sa 55 sena, in-nisa jaħdmu żdiedu sew minn 33 fil-mija disa' snin ilu, għal 57 fil-mija issa; qabża qawwija ta' 24 punt perċentwali fi tmien snin. “Dan seħħ għax ħloqna l-opportunitajiet u l-ambjent meħtieġ permezz ta’ inċentivi, fosthom dawk ta’ sena bla taxxa, mhux biss għal ommijiet iżda anke għal nisa li jkunu ilhom barra mid-dinja tax-xogħol għal aktar minn 5 snin, kif ukoll inċentivi għal min iħaddem, bħal dawk li gawdiet minnhom Cross Healthcare.”
Huwa fakkar kif illum għandna l-iktar rata għolja ta’ nies jaħdmu bi qliegħ – aktar minn 153,000 u pajjiżna jibqa’ b’waħda mill-anqas rati ta’ qgħad fl-UE kif ukoll waħda mill-aktar rati għolja ta’ ħolqien tax-xogħol fost il-membri tal-Unjoni Ewropea kollha.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en