STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jiċħad rapport fil-Malta Today
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jiċħad rapport fil-Malta Today on line li l-Prim Ministru “kkonferma li l-Kummisjoni Ewropea se tressaq lill-Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja” dwar l-emissjonijiet mill-power station tal-Marsa. Ir-rapport ma jirriflettix dak li qal il-Prim Ministru jew il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea li dwarha huwa informat il-Gvern Malti.
Fil-fatt is-sitwazzjoni għadha l-istess għal dik spjegata fi Stqarrija għall-Istampa 1393 (21 ta’ Ġunju 2012) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni. L-unika differenza hija li l-Gvern wieġeb għar-Reasoned Opinion tal-Kummissjoni Ewropea fil-21 ta’ Awissu 2012. Il-Gvern Malti mhux informat li hemm deċiżjoni li l-Kummissjoni Ewropea se tressaq il-kaz quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Dan huwa transcript tar-risposta tal-Prim Ministru lill-ġurnalist tal-Malta Today illum.
“Dwar l-ewwel mistoqsija, iva hija informazzjoni pubblika li l-Kummissjoni Ewropea qaltilna illi l-Power Station tal-Marsa trid tagħlaq. U aħna ma qagħadniex inħarsu lejn il-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri hekk ridna nagħmlu. Anzi huwa l-pjan, oġġettiv primarju b’urġenza li rridu nagħmlu f’pajjiżna. Pero ma tistax tagħlaq il-Power Station tal-Marsa jekk m’għandekx f’postha l-alternattiva. U l-alternattiva hija l-cable. U biex isir il-cable nistgħu nitkellmu kemm irridu, nistgħu ngħidu li fi żmien sentejn nistgħu nagħmlu cable. Il-verita trid toħroġ it-tenders, trid tistenna sakemm isiru x-xogħolijiet, trid tiftiehem mal-Gvern Taljan, trid tasal li l-Gvern Taljan u Sqallija jagħmlu l-proċeduri tagħhom. Huma għandhom il-proċeduri li wieħed bilfors irid isegwihom u kollox jieħu ż-żmien tiegħu. Aħna lill-Kummissjoni Ewropea għidnilha, isma ż-żmien dam iżjed milli xtaqna aħna, xtaqna nagħmluh qabel, pero dam iżjed għal ċirkostanzi li ma kinux fil-kontroll tagħna. Imma iva, nikkonferma li l-Kummissjoni Ewropea qalet li se tieħu passi kontra tagħna. It-tama tagħna hi li dawn il-passi ma jibdewx, jistennew ftit ieħor ħalli sal-aħħar jew bidu tas-sena 2014, għax il-cable jkun qed jaħdem. Pero ħa niftehmu, irridu l-cable jaħdem primarjament għax huwa vantaġġ għall-pajjiżna u għax fl-aħħar mill-aħħar mingħajru ma nistgħux, ma jistgħux jittieħdu ebda inizzjattiva oħra, ta’ ħadd. La tagħna, la ta’ min qed joħlom bi proposti, anke jekk huma l-aktar proposti bla sens. Ma jistgħux isiru mingħajr il-cable f’postu. U l-cable huwa proġett li l-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, beda mill-bidu nett ta’ din il-leġiżlatura jaħdem ta’ vera fuqu inkluż li kellu jsib fondi li jitilgħu mal-200 miljun Ewro prattikament, b’investiment b’persentaġġ relattivament żgħir tal-Unjoni Ewropea pero li għena biex jagħmel il-proġett kollu feasable.”
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en